Is-saċerdot Għawdxi Dun Fabio Attard inħatar bħala l-11-il suċċessur ta’ Don Bosco bħala r-Rettur Maġġuri tal-Kongregazzjoni Salesjana.
Din il-ħatra sinifikanti timmarka l-ewwel darba li ċittadin Malti qed jassumi din il-pożizzjoni ferm għolja u prestiġjuża, fejn se jkun qed imexxi kongregazzjoni li topera f’136 pajjiż differenti minn madwar id-dinja b’aktar minn 15,000 istituzzjoni u kważi 14,000 membru kkonsagrat.
L-elezzjoni tiegħu saret waqt laqgħa ta’ 220 provinċjal u delegat f’Turin, l-Italja.
Dun Fabio, li hu iben il-parroċċa ta’ San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex, ħadem u għadu jaħdem qatigħ fost iż-żgħażagħ kemm f’Malta u Għawdex kif ukoll barra minn xtutna.
Il-kontribut tiegħu għall-Knisja universali ġie rikonoxxut fl-2018, meta l-Papa Franġisku ħatru bħala Konsulent tad-Dekasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja. Il-parteċipazzjoni tiegħu fis-Sinodu taż-Żgħażagħ ukoll enfasizzat l-impenn tiegħu li jagħti vuċi liż-żgħażagħ u jrawwem integrazzjoni akbar fosthom fil-ħajja tal-Knisja.
Attard twieled fil-Fontana fl-1959, waqt li għamel il-professjoni tiegħu bħala Sależjan ta’ Don Bosco fl-1980 u ġie ordnat saċerdot fl-1987. Wara li temm l-istudji tiegħu, fl-1988, flimkien ma’ Sależjan ieħor, intbagħat jiftaħ preżenza ġdida Sależjana fit-Tuneżija.
Fost il‑bosta esperjenzi teoloġiċi, pastorali u akkademiċi tiegħu, Fr Fabio kien ukoll l‑ewwel direttur tal‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali li twaqqaf bħala risposta għas‑sejħa li ħarġet mis‑Sinodu Djoċesan tal‑2003 biex tiġi promossa u kkordinata l‑formazzjoni tal‑Insara fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li, f’telefonata ma’ Fr Fabio ftit wara t‑tħabbira tal‑ħatra tiegħu, l‑Arċisqof Charles Scicluna u l‑Isqof Awżilarju Joseph Galea‑Curmi awgurawlu għal din il‑ħidma l‑ġdida u wegħduh is‑sapport u t‑talb tal‑Knisja f’Malta.
Il-Knisja f’Għawdex ukoll qalet li qed tifraħ bl-aħbar li wieħed minn uliedha ġie fdat b’din il-missjoni ferm kbira.
B’hekk issa s-Salesjani huma t-tielet Ordni Reliġjuża f’Malta li qatt kellhom Ġeneral Malti, wara l-Ordni Tereżjan li kellhom lil Patri Ġużepp Abela u dak Agostinjan Patri Paolo Micallef.