Il-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku u l-Kurja Għawdxija għażlu lil Dun Anton Teuma biex iservi bħala d-disa’ Isqof tad-Djoċesi Għawdxija.
It-tħabbira saret propju qabel it-tokki tal-Anġelus ta’ nofshinar fis-Santwarju devot tal-Madonna Ta’ Pinu min-Nunzju Appostoliku għal Malta, l-Arċisqof Alessandro D’Errico. Mument ta’ ferħ għall-Poplu Għawdxi kollu. Mument li sema’ d-daqq ferrieħi tal-qniepen mill-kampnari tal-knejjes kollha Għawdxin.
“La persona scelta è un ecclesiastico ben conosciuto, stimato e ben voluto da tutti, per le sue distinte doti umane e pastorali. Si tratta del carissimo Don Anthony TEUMA, finora Delegato Episcopale per la Pastorale Familiare, al quale vanno le nostre più vive felicitazioni.”
Dun Anton Teuma, iben ix-Xagħra Għawdex u li jgħodd is-sitta u ħamsin sena huwa d-direttur Pastorali tal-Kummissjoni Djoċesana Familja f’Għawdex.
Dun Anton ġie ordnat saċerdot minn idejn l-Isqof mibki Nikol Cauchi fl-elf disa’ mija tmienja u tmenin. Għal diversi snin, l-Isqof elett serva u ħadem fid-Djoċesi ta’ Ruma.
Meta ġie lura Malta Dun Anton, għal għaxar snin sħaħ serva bħala rettur tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesu, fejn wassal għexieren ta’ seminarista għat-tarġa tas-saċerdozju. Infatti Teuma huwa wkoll lettur fis-Seminarju Maġġuri.
Dun Anton Teuma twieled f’familja sempliċi u reliġjuża, bin Ewkaristu u Salvina, ġenituri ta’ erba’ wlied, fix-Xagħra, Għawdex. L-umiltà tal-Isqof nominat tidher hekk kif fil-bidu tal-vokazzjoni tiegħu għal saċerdot kiseb il-liċenzja ta’ żewġ snajja, tal-welding u tad-dawl.
F’Ta’ Pinu, ir-ragħaj il-ġdid qal li jinsab kemxejn imbeżża’, iżda lest li jieħu dan l-irwol bl-akbar responsabbilità lejn il-merħla nisranija f’Għawdex.
“Barra sens ta’ gratitudni għandi sens ta’ biża u tensjoni hekk kif issa bil-mod il-mod qisu x’se nibda kif se nibda bil-mod il-mod din il-ħajja ġdida ukoll naf li l-ħajja tiegħi xi ftit jew ieħor ser tinbidel mhux se tibqa’ kif kienet. Però kont lest li lill-Mulej ngħidlu li din il-biċċa żgħira ta’ libertà oħra li kien baqali lest li nagħtijilek ukoll għall-ġid tal-poplu t’Alla.”
Il-kariga ta’ mexxej tad-djoċesi t’Għawdex ġiet vakata meta f’Ottubru li għadda, is-Santa Sede ħabbret li l-Isqof Mario Grech se jkun qed jinħatar Pro-Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Kariga li se twasslu biex iħalli l-gżira tat-tliet għoljiet u jmur f’Ruma jaħdem fil-Vatikan u jieħu post il-Kardinal Lorenzo Baldisseri.
Mario Grech, li kien ħa post l-Isqof Nikol Cauchi fl-2005, bħalissa huwa l-Amministratur Appostoliku tad-djoċesi t’Għawdex.
Fis-Santwarju Ta’ Pinu l-Amministratur Appostoliku Mario Grech, quddiem il-maġġoranza tal-kleru Għawdxi, laqa’ lill-Dun Anton Teuma għal din il-kariga ġdida.
Intant, il-President ta’ Malta George Vella awgura lil Dun Anton Teuma għal dan l-irwol ġdida fil-knisja kattolika.
Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll awgura lil Dun Anton Teuma għal din il-missjoni spiritwali ġdida biex imexxi l-Knisja f’Għawdex. Dr. Abela rringrazzja lill-Isqof Mario Grech għall-ħidma li wettaq u awguralu għall-kariga l-ġdida.
Anki l-Kurja Veskovili Maltija, f’isem l-Arqisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi ferħet lil Dun Anton Teuma.
Il-Kurja Għawdxija qalet li d-dettalji dwar il-konsegrazzjoni Episkopali u l-Ingress Solenni tal-Isqof maħtur se jingħataw aktar ‘il quddiem.