Dun Anġ Seychell, li miet fl-aħħar t’Awwissu li għadda, ingħata l‑Premju Mons. Mikiel Azzopardi għall‑kontribut kbir tiegħu fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità.Il-preżentazzjoni saret mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Knisja taż-Żejtun lil Muriel Grech, Direttur għall‑Proġetti Kapitali tal‑Fondazzjoni Nazareth, li ħoloq l-istess Dun Anġ.

Dun Anġ Seychell jibqa’ mfakkar għal kontribut kbir li ta tul ħajtu biex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu b’dinjità f’ambjent ta’ familja, filwaqt li jibqgħu jiġu rispettati d-drittijiet tagħhom.Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, iddeskriva s-servizz ma’ persuni b’diżabilità bħala “innu lid‑dinjità umana u għanja ta’ tama” inkluż mal-qraba tagħhom.
L-Arċisqof, f’diskors tal-okkażjoni, faħħar il‑ħidma fejjieda ta’ Dun Anġ Seychell, waqt li fakkar ukoll fil‑ħidma tad‑Dar tal‑Providenza stess.
Hu ħeġġeġ lill‑poplu Malti u Għawdxi biex fil‑‘Festa ta’ Ġenerożità’ tal‑ewwel tas‑sena jerġa’ jikkontribwixxi finanzjarjament.