Rapporti qed jgħidu li l-President tar-Repubblika, George Vella qal lid-deputati Nazzjonalisti li kellem fl-aħħar sigħat, li mhux magħruf jekk jistax jaħtar Kap tal-Oppożizzjoni ieħor li mhuwiex Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li l-President ħares lejn il-kostituzzjoni bħala l-gwardjan tal-ogħla liġi u filwaqt li ra kif din tagħtih il-poter biex ineħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni, jeżisti dubju jekk jistax jaħtar deputat ieħor li mhuwiex Kap tal-partit.
Id-deputati Nazzjonalisti li sfiduċjaw lil Adrian Delia ħarġu stqarrija jikkwotaw pariri mogħtija minn Giovanni Bonello, Kevin Aquilina u Austin Bencini.
Dawn il-pariri jgħidu li l-President għandu obbligu li jħassar il-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’każ li dan ikun tilef il-fiduċja tal-maġġoranza ta’ membri fl-Oppożizzjoni.
Dan ġie meqjus mill-fazzjoni ta’ Delia bħala tentattiv biex tintefa’ iżjed pressjoni u Adrian Delia jitqaċċat u floku tilħaq Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Adrian Delia għamilha ċara li huwa se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan ifisser li fl-aħħar sigħat kompliet tinħoloq konfużjoni mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, b’possibilità ta’ kriżi Kostituzzjonali.
Intant il-President ta’ Malta temm il-laqgħat li kellu mad-deputati Nazzjonalisti kollha fejn saqsihom f’min għandhom fiduċja.
Il-laqgħat bdew mill-Ħamis u komplew matul il-jum tal-Ġimgħa fejn anki l-President Vella tkellem ma’ Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia.
Dawn tal-aħħar kienu telgħu fil-Parlament wara li fi żmien Simon Busuttil għamlu koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista f’dik imsejħa bħala koalizzjoni ta’ konfużjoni.