Is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay qal li t-tender dwar ir-restawr tal-faċċata tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl safa vvizzjat permezz ta’ kuntatti u involviment ieħor ta’ membri tal-bord ta’ evalwazzjoni fl-istess tender ma’ kuntratturi prospettivi, li dwarhom il-Kunsill għandu provi ċari.
McKay tenna li ma kien hemm l-ebda azzjoni arbitrarja mill-Kunsill, kif ġie allegat fil-midja soċjali, anzi l-pass li jitwaqqaf il-proċess tat-tender ittieħed wara konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Kuntratti u diversi pariri legali.
F’messaġġ fuq Facebook, is-Sindku żied li l-Kolleġġjata hi benefiċċjarja potenzjali tax-xogħlijiet, iżda r-responsabbiltà għall-proċess tat-tender u l-infieq tal-fondi tibqa’ tal-Kunsill.
Waqt li qal li l-Kunsill, immexxi minnu hu kommess li jkompli jaħdem fl-aħjar interess tal-Belt, appella biex il-fatti ma jiġux mgħawġin għal skopijiet ulterjuri u m’għandux jintuża lingwaġġ infjammatorju minn min irid jilgħab bl-emozzjonijiet tan-nies.