Fis-semestru edukattiv li jibda f’Ottubru li ġej, iċ-Ċentru għall-Arti Liberali u x-Xjenza fi ħdan l-Università ta’ Malta se joffri għażla ta’ dsatax-il suġġett għal min hu interessat li jtejjeb u jkabbar l-għarfien tiegħu f’firxa wiesa’ ta’ suġġetti.
Dan iċ-Ċentru twaqqaf seba’ snin ilu u l-istudenti fi ħdanu ma jkollhomx għalfejn jagħmlu eżamijiet fl-aħħar tal-istudji tagħhom imma jiġu assessjati b’modi oħra, fosthom prattika jew xogħol tad-dar.
Id-Direttur taċ-Ċentru, il-Professur David Mifsud spjega kif kull suġġett ikollu ammont ta’ punti x’jissarrfu li jkunu rikonoxxuti fuq livell internazzjonali.
Qal, “Kull semestru noffru bejn tmintax u għoxrin suġġett differenti u dawn ivarjaw ħafna. Għandna minnhom fuq engineering, għandna fuq bijoloġija, fuq tagħlim tan-naħal ngħallmu jiena, ieħor fuq viti-kultura, ieħor fuq science fiction, in-nisa fil-mużika, id-drama, l-arti jiġifieri hemm suġġetti varji minn kollox prattikament.”
Il-punti tas-suġġetti offruti f’dan iċ-Ċentru jistgħu jingħaqdu ma’ punti ta’ korsijiet oħra biex jingħataw ċertifikati li jistgħu jwasslu saħansitra għal diploma u anki baċċellerat.
Dan ifisser li anki studenti li bdew korsijiet, bħal tal-Mediċina jew Liġi, u għal xi raġuni ma lestewhomx, jistgħu jistudjaw suġġetti f’dan iċ-ċentru biex iżidu l-punti u xorta jiggradwaw.
Spjega, “Nippruvaw naraw xi study units għandhom, x’ECTSs għandhom, narawhom imbagħad ikunu jistgħu jżidu magħhom biex iżidu għal diploma jew għal degree jiġifieri nippruvaw nakkomodaw l-istudenti kollha għal dak li huma jixtiequ.”
Kull suġġett ikollu massimu ta’ tmienja u għoxrin siegħa ta’ lezzjonijiet, li jkunu dejjem filgħaxija bejn is-sitta u t-tmienja għall-benefiċċju ta’ min jaħdem full-time.
Qal, “Is-soltu aħna jkollna dejjem bejn mitejn u tliet mitt student kull semestru. J’Alla jkollna iktar ħalli l-għarfien ikompli jikber.”
Fil-ġranet li ġejjin se jitqassam fuljett bid-dettalji tas-suġġetti offruti.
Kull min hu interessat jista’ japplika online fuq is-sit elettroniku tal-Università sal-għoxrin ta’ Settembru.