Dr Lydia Abela għamlet żjara f’Piscopo Gardens f’Burmarrad, fejn hawn tat l-appoġġ tagħha għall-kampanja, Superheroes for Research, liema kampanja se tiġbor il-flus għar-riċerka ta’ mard li jaffettwaw it-tfal.
Din il-kampanja li qed issir b’kollaborazzjoni bejn Piscopo Gardens u r-Research, Innovation and Development Trust se tiġbor donazzjonijiet mill-klijenti ta’ Piscopo Gardens, liema fondi se jiġu rdoppjati minn Piscopo Gardens stess.
Mart il-Prim Ministru stqarret li ma setgħetx titlef l-opportunità li tagħti l-appoġġ tagħha lil din il-kampanja.
Qalet, “Din il-kampanja bl-isem ta’ ‘Superheroes’ mmexxija mill-Fond ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta laqtitni minn żewġ aspetti. L-ewwel nett għaliex nemmen ħafna bl-appoġġ li għandna nagħtu lir-riċerka li ssir ġewwa pajjiżna u t-tieni nett għaliex tolqot lit-tfal. It-tfal li nemmen li għandna nagħtuhom kwalità ta’ ħajja aħjar u li għandna wkoll ninvestu fir-riċerka biex nipprovdu soluzzjonijiet għal dawk il-problemi ta’ saħħa li sal-lum il-ġurnata m’għandniex soluzzjoni għalihom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fond tar-Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp, Wilfred Kennely qal li din hija inizjattiva nobbli mill-kumpanija Piscopo u rringrazzja lill-istess kumpanija.
Spjega, “Dan huwa każ sabiħ ta’ dak li ngħidulu responsabbiltà soċjali korporattiva, fejn kumpannija tirrikonoxxi li l-komunità ta’ madwarha tiddependi aktar mill-għajnuna tagħha.”
Min-naħa tagħha, id-Direttur ta’ Piscopo Gardens, Vinny Piscopo sostniet li l-valuri tal-kampanja huma l-istess bħall-valuri tal-kumpanija, u għalhekk l-għażla li tkun parti minn din l-inizzjattiva kienet waħda ovvja.
Qal, “Bħala Piscopo nemmen li l-fatt li kellna dal-irwol soċjali u risponsabbiltà tagħna biex ngħinu lis-soċjetà biex dejjem intejbu l-affarjiet biex nimxu ‘l quddiem.”
Fil-konferenza tal-aħbarjiet spikka wkoll l-appell lill-pubbliku sabiex jagħti l-kontribut tiegħu sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.