Simon Busuttil għamel kawża għax ma qal li m’għandux smigħ xieraq fl-inkjesta li qanqal, u hemm appell li mar quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, li nzerta miżżewweġ lil Marlene Mizzi MEP Laburista. Allura qed inewwaħ li m’għandux smigħ xieraq.
Niskanta u nimmeravilja ruħi kif id-drittijiet fondamentali biċċa chewing gum f’dan il-pajjiż. Illum sentenza mod, u għada sentenza mod ieħor. Wieħed li jkun għaddej kumpilazzjoni u forsi wasal ukoll għall-ġuri, jgħidulu li jrid jistenna sakemm jgħaddi l-proċess kollu u anke biċ-ċans li jeħel il-ħabs (Muscat v Avukat Generali) u minn daqqiet iva, ma nistennew xejn.
Id-dritt fondamentali ta’ smigħ xieraq huwa jew f’kawża ċivili, jew f’kawża kriminali fejn min jilmenta jrid ikun involut personalment bħala vittma, jiġifieri jrid ikun akkużat. Kawża ċivili tkun bejn tnejn min-nies (jew iżjed) imma ma jkun hemm l-ebda ħabs imdendel.
Sa fejn naf jien s’issa, Simon Busuttil għadu l-anqas biss tressaq il-Qorti akkużat, aħseb u ara kemm hemm xi periklu li jispiċċa kundannat. L-artiklu 39 tal-Kostituzzjoni jgħid :” 39.(1) Kull meta xi ħadd ikun akkużat b’reat kriminali huwa għandu, kemm-il darba l-akkuża ma tiġix irtirata, jiġi mogħti smigħ xieraq……”
Il-Konvenzjoni Ewropea fl-Artiklu 6 jgħid : “(1) Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi.”
F’kelma waħda, biex tilmenta li hemm ksur ta’ dritt fondamentali jrid ikun hemm ġildek jew butek fin-nofs Nista’ jien nagħmel kawża dwar diskriminazzjoni tal-ġeneru għax it-tfal jieħdu kunjom il-missier u mhux kunjom l-omm? Jgħiduli, int m’intix mara, u ma tistax tilmenta. Jista’ Spettur tal-Pulizija jgħid li ma kellux smigħ xieraq f’kawza li kien qed imexxi kontra ħalliel bħala prosekutur ? Le għax m’għandux la akkuża kriminali kontra tiegħu, u l-anqas kellu xi kawża ċivili.
Mela mar-radd tas-salib imħallef għandu jara jekk min qed jilmenta fuq xhiex qed iwaħwaħ. Fejn jidhlu drittijiet fondamentali, wieħed ma jistax jagħmel kawża għall-prinċipju in ġenerali, imsejha “azzjoni propolari” f’isem il-poplu jrid ikun vittma hu. Tghid l-Kostituzzjoni Art 116.
U bir-rispett kollu lejn l-Imħallef li ta digriet fuq il-provi, l-ewwel irid jara jekk il-kawża tistax tieqaf fuq saqajha !
Mela kien hemm każ fil-Qorti Ewropea kontra Franza. (Perez v France 12/2/2004). Mara allegat li uliedha minħabba ġlied fuq flus tawha injection u għamlulha ħsara f’ġisimha. Il-qrati Franċiżi ma tawhiex raġun u marret Strasbourg.
Il-Qorti Ewropea (bi 17 l-imhallef kollha jaqblu) iddikjaraw fil-paragrafu 70:
“70. The Court considers that in such cases the applicability of Article 6 has reached its limits. It notes that the Convention does not confer any right, as demanded by the applicant, to “private revenge” or to an actio popularis. Thus, the right to have third parties prosecuted or sentenced for a criminal offence cannot be asserted independently: it must be indissociable from the victim’s exercise of a right to bring civil proceedings in domestic law, even if only to secure symbolic reparation or to protect a civil right such as the right to a “good reputation”
Fi ftit kliem : Biex wieħed ifittex fuq smigħ xieraq f’każ fejn ikun qed jipprova ħalli xi ħadd jitressaq akkużat, irid juri li hu se jkollu xi benefiċċju ta’ danni jew biex inaddaf ismu. Imma x’kawża ċivili jista’ jġib Simon Busuttil ?
Għalhekk aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed nemmen li drittijiet fondamentali hawn Malta qed isiru chewing gum.