Fid-dawl tal-azzjoni industrijali fid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole li issa ilha fis-seħħ għal diversi ġimgħat, filwaqt li għandu jiġi rrispettat id-dritt tal-impjegati li jfittxu r-rimedji tagħhom skont il-liġi, dan m’għandux jimpedixxi lil persuni oħra milli jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom.
Qalet dan il-Kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista Dr Josianne Cutajar waqt żjara li għamlet lir-residenti fid-dar ta’ RISE fil-Belt Valletta.
L-istaġnar fil-proċess tal-parole qed iwassal biex għadd ta’ priġunieri u l-familji tagħhom jgħixu f’inċertezza kbira. Uħud li għandhom data stipulata meta jistgħu jirfsu l-għatba ta’ barra, wara li skontaw il-parti l-kbira tas-sentenza tagħhom, għandhom dubji kbar jekk hux se jkollhom din l-opportunita’. Kull ġurnata li tgħaddi hija ġurnata ta’ taqtigħ il-qalb għal dawn il-persuni.
Dr Josianne Cutajar għamlet appell biex il-partijiet konċernati jiltaqgħu malajr kemm jista’ jkun fin-norma ta’ kif isir f’kazijiet simili meta jkun hemm azzjonijiet industrjali. Kif ġie riżolt tilwim f’setturi oħra, dan it-tilwim għandu wkoll jissolva, hi temmet tgħid.
Fil-programm RISE jipparteċipaw għadd żgħir ta’ priġunieri li jkunu ntagħżlu wara proċess rigoruż biex iqattgħu l-aħħar fażi tas-sentenza tagħhom barra mill-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin. Filwaqt li jkunu taħt superviżjoni kontinwa, ir-residenti jingħataw taħriġ fil-ħiliet tal-ħajja inkluż fix-xogħol, biex l-integrazzjoni tagħhom lura fis-soċjeta’ wara sentenza ta’ priġunerija tkun aktar feliċi.
Intant waħda mid-diffikultajiet illi semmew ir-residenti waqt li qasmu l-esperjenzi tagħhom kienet propju d-diffikulta’ li ssib persuna li tkun ilha għal żmien magħluqa f’istituzzjoni taħt kontroll u sigurta’ meta terġa’ ssib ruħha fit-triq nieqsa mill-gwida. F’dan ir-rigward ir-residenti ddeskrivew il-programm RISE bħala opportunita’ tad-deheb għall-individwu biex ilesti lilu nnifsu aħjar biex jintegra lura fis-soċjetà.
Waqt iż-żjara tagħha, Dr Josianne Cutajar saħqet dwar l-importanza li aħna lkoll bħala soċjeta’ ma niqfux mal-iżball li jkun wettaq l-individwu iżda naraw li s-sistema qed toffri spazju lill-persuna biex tirriforma.
Filwaqt li faħħret id-dedikazzjoni kbira li biha jitmexxa l-programm, fi tmiem il-laqgħa Dr Josianne Cutajar iddeskriviet id-dar bħala prova ta’ suċċess tal-ġustizzja ristorattiva. Qalet li tħares ’il quddiem lejn it-tisħiħ ta’ dan il-programm u proġetti ġodda simili.