Id-dimensja hija riżultat ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, l-iżjed il-marda tal-Alzheimer. Is-sintomi tagħha huma diversi u jistgħu jaffettwaw lin-nies b’modi differenti. Din hi marda progressiva u waħda li ġġib magħha vjaġġ ta’ uġigħ ta’ qalb u wġigħ ieħor għall-persuni u għal min ikun jieħu ħsiebhom.
Waħda mill-affarijiet li persuna bid-dimensja ssib diffiċli hi li hija stess tibda diskursata jew attività. Meta ma jkun hemm ħadd li jagħmel xi ħaġa biex jiġbdilhom l-attenzjoni il-persuna ma jkollhiex triq oħra ħlief li tidħol fiha nnfisha u fi ħsibijietha. Xi drabi dawn il-ħsibijiet iġibu magħhom biża’ u appressjoni billi jieħu l-persuna f’postijiet u sitwazzjonijiet li huma ma jifhmux u għalhekk il-konfużjoni u l-aggressjoni tista’ tiżdied. Is-sala apposta għad-dimensja fis-Simblija Home, “The Butterfly Unit”, hi maħsuba biex tnaqqas din il-konfużjoni.
“Jeħtieġ li nkunu kreattivi peress li l-moħħ ta’ persuna bid-dimensja jaħdem b’mod differenti. Pereżempju aħna nstallajna kaxxi għall-memorja fuq il-bieb ta’ barra tal-kmamar u għamilna wkoll il-bibien tal-kmamar tagħhom jixbhu lil dawk ta’ djarhom bil-kulur favorit tagħhom. Nies bid-dimensja x’aktarx li aktar jidentifikaw ma’ ritratt tal-familja jew ritratt tagħhom stess (xi drabi meta kienu iżgħar fl-età), aktar milli minn numru ta’ kamra jew isem li x’aktar jinsew jew jitilfu l-ħila li jaqraw. Dawn l-affarijiet kollha jippersonalizzaw il-kura tagħhom, jagħmluha aktar individwali u dinjituża. Flimkien ma’ dawn l-iskemi differenti ta’ kuluri dawn jgħinu ‘biex isibu t-triq’ u jagħmlu ħajjithom aktar faċli u jnaqqsu l-konfużjoni,” ikkummentat Charmaine Attard, il-Maniġer Ġenerali ta’ Simblija Home fi ħdan l-AX Group. “Irridu wkoll nisparkjaw interazzjoni mal-persuna billi nużaw modi differenti u għodda differenti.
“Simblija Care Home hija fuq quddiem nett fejn jidħlu attivitajiet. Charlotte Stafrace mill-grupp ACTive Ageing tipprovdi proġetti ta’ drama li jinjettaw tassew ħajja ġdida fir-residenti tagħna. Tagħmel xaradi, ixxejjer bl-iskarfs u tfakkar tifkiriet — Charlotte tagħmel dak kollu li tista’ biex tqajmilhom l-immaġinazzjoni.
“Darba f’xahar jiġi grupp ta’ voluntieri mill-K9 Search and Rescue Malta bil-klieb tagħhom ta’ salvataġġ biex jitħalltu u jilagħbu mar-residenti tagħna. Jess Rymer jiġi kull ġimgħa u jkanta kanzunetti antiki. Ħaġa tal-għaġeb meta tara kemm persuna li s-soltu taraha bilqiegħda kwieta fuq siġġu issa tibda tiħħammja l-kanzunetti antiki u xi drabi anki tkanta xi waħda favorita tagħha. Jew inkella persuna li s-soltu ma titkellimx tieħu l-ħajja f’daqqa meta tibda tilgħab mal-klieb,” tkompli tgħid Charmaine.
“Hu f’dawn il-mumenti li jurini li aħna għandna l-formula t-tajba. Persuni bid-dimensja jiġġieldu l-ħin kollu biex iżommu flimkien tifkiriethom u hekk fil-fond ta’ qalbi nemmen li aħna qegħdin hawn biex ngħinuhom jiġbru flimkien dawn il-memorji. B’din it-tip ta’ interazzjoni, ambjent u kura qed nagħtuhom memorji ġodda ta’ ferħ. Meta nagħmlu dan aħna nkunu hemm biex nassistu lilhom u lill-familji tagħhom f’dan il-vjaġġ bħalha sieħba fil-kura tagħhom u nagħmlu dan il-vjaġġ anqas ta’ solitudni u ta’ biża’,’’ qalet Charmaine.