Kienet partita medjokri u kkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground dik bejn Gzira United u Marsaxlokk u li ntemmet fi draw ta’ mingħajr goals, f’konfront li fih irrenja bilanċ assolut bejn iż-żewġ timijiet.
Iż-żewġ timijiet kellhom il-waqtiet pożittivi tagħhom fil-partita iżda naqsu milli jkunu inċisivi u naqsu milli jkunu avventurużi.
Marsaxlokk kellhom lill-captain Ryan Scicluna sospiż, waqt li l-Maroons kellhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Jurgen Pisani u Joseph Minala b’dan tal-aħħar qed jirkupra minn injury.
Kien biss fit-23 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota bi Gzira jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Thiago Espindola kellu freekick insidjuż li ġie salvat f’corner b’diffikultá mill-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Marko Drobnjak.
Marsaxlokk wieġbu fil-35 minuta meta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Nikolai Muscat ġie devjat minn difensur u salvat mill-goalkeeper veteran ta’ Gzira, Justin Haber.
L-azzjoni sussegwenti waslet biss fit-63 minuta bix-Xlukkjari jkunu huma li joħolqu l-periklu meta wara li rċieva minn freekick ta’ Nikolai Muscat, Lucas Emanuel Lopez, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tistampa ma’ sieq il-wieqfa, bi Gzira jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-80 minuta, cross-shot inisdjuż ta’ Jose Ulises Arias ġie salvat minn Haber.
Gzira wieġbu fid-89 minuta meta Thaylor Aldama kellu xutt fil-baxx mid-distanza devjat f’corner minn difensur avversarju.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Alex Johnson
Plejer tal-Logħba: Nikolai Muscat (Marsaxlokk FC)