F’partita mill-aktar medjokri u li naqset milli tilħaq l-aspettattiva, Marsaxlokk u Birkirkara temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr goals. Dan kien konfront dirett għar-raba’ post, biex finalment permezz ta’ dan ir-riżultat, iż-żewġ timijiet baqgħu jokkupaw l-istess post bi 30 punt, fejn madankollu, Marsaxlokk għandhom differenza ta’ goals aħjar.
Kienu Marsaxlokk li ħolqu l-ewwel periku fl-10 minuta meta l-viċi-captain Nikolai Muscat kellu x-xutt angulat tiegħu mill-viċin jiġi salvat f’corner mill-goalkeeper Pollakk tal-Istripes, Marcel Zapytowski.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u ħames minuti wara, cross-shot insidjuż tal-ex tal-partita Ryan Scicluna ġie interċettat minn Zapytowski.
Birkirkara wieġbu fit 42 minuta meta Alex Satariano kellu x-xutt tiegħu minn ġol-kaxxa jiġi salvat mill-goalkeeper Serb ta’ Marsaxlokk, Marko Drobnjak.
Kien biss fit-73 minuta meta waslet l-azzjoni sussegwenti fil-partita, b’Marsaxlokk ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Jose Fernando Junior Gomes kellu x-xutt mid-distanza tiegħu jistampa mal-mimduda u bil-ballun jinżel fuq il-linja fatali, b’Birkirkara jeħilsuha ħafif.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Slobodan Petrovic
BOV Plejer tal-Logħba: Alex Satariano (Birkirkara FC)