F’partita mill-aktar medjokri, Balzan u Hibernians temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr goals.
Ta’ nota huwa l-fatt li din il-partita rrapreżentat konfront bejn żewġ aħwa, jiġifieri Triston Caruana għal Balzan u ż-żagħżugħ Lucas Caruana għal Hibernians.
L-ewwel taqsima kienet ferm kwieta u nieqsa minn kull emozzjoni fejn ġiet innutata azzjoni waħda denja ta’ nota, b’Hibernians ikunu huma li joħolqu l-periklu fil-ħin miżjud meta xutt minn tarf il-kaxxa tal-captain Jurgen Degabriele għadda għoli biex l-ewwel taqsima intemmet 0 – 0.
Hibernians ħolqu l-periklu fit-62 minuta meta Rodney Antwi xeħet cross lejn Mamadou Bagayoko, iżda dfensur ta’ Balzan kien pront u kklerja l-ballun f’corner. Huma komplew jura l-aħjar ideat u erba’ minuti wara Claudio Bonanni kellu x-xutt tiegħu mill-viċin devjat f’corner mid-difża ta’ Balzan.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Pawlisti u fid-79 minuta, Giannis Bastianos għadda tajjeb lejn l-Ukren Artem Radchenko li iżda minn pożizzjoni ideali kellu t-tentattiv tiegħu jistampa mal-wieqfa, b’Balzan jeħilsuha ħafif.
Il-partita kompliet ikkaraterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Glen Tonna
BOV Plejer tal-Logħba: Giannis Bastianos (Hibernians FC)