F’konfront medjokri li mmarka l-ewwel partita mill-Gozo Weekender, Balzan u Gzira U. temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr goals. Ta’ nota huwa l-fatt li f’din il-partita il-coach ta’ Balzan Andrew Cohen kien qed jaffronta lill-ex team tiegħu, Gzira U.
Fit-32 minuta il-coach ta’ Balzan Andrew Cohen kellu jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-player Triston Caruana biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut, Marcus Grima.
Kien biss fit-38 minuta li waslet l-ewwel u l-unika azzjoni denja ta’ nota fl-ewwel taqsima, b’Balzan ikunu huma li joħolqu l-periklu meta xutt ta’ Luke Kamsoba għadda għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Gzira ħarġu ferm aggressivi u fil-50 minuta, wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Kevin Tulimieri kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit għoli, bl-istess player deher li weġġa’ xi ftit f’din l-azzjoni u fil-fatt kellu jiġi sostitwit minn Brooklyn Borg.
Il-Maroons kellhom l-aħjar ċans tal-logħba mas-siegħa logħob meta minn azzoni ta’ corner mogħti minn Thiago Espindola, il-ballun intemm għand Thaylor Aldama li kellu x-xtt tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Balzan, Danilo Golovic.
Balzan wieġbu ħames minuti wara meta Nicholas Pulis rebaħ il-ballun mir-rebound f’tarf il-kaxxa u x-xutt tiegħu għadda jħakkek mal-wie1fa, bil-goalkeeper ta’ Gzira Giulio Mangano megħlub għal kollox.
Balzan komplew fuq l-offensiva u fit-73 minuta Tukilonga resaq viċin li jsib ix-xibka iżda x-xutt tiegħu għadda ftit barra.
Gzira wieġbu fit-80 minuta meya Gabriel Boher Mentz irċieva minn freekick tal-ispeċjalista Thiago Espindola iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin giet salvata minn Golovic.
Balzan tilfu ċans tad-deheb li jiksbu t-tliet punti fil-ħin miżjud meta Elvis Kamsoba għadda tajjeb lejn Dimeji Awosanya iżda n-Nigerjan minn taħt il-lasta tefa’ inkreddibilment barra, bi Gzira jeħilsuha ħafif.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Trustin Farrugia Cann