F’partita li ntlagħbet biss biex tonora l-fixture, hekk kif iż-żewġ timijiet kienu diġá jafu d-destin tagħhom għall-istaġun li ġej, Sirens u Pieta Hotspurs, temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr goals.
Kienu Sirens li ħarġu fuq l-offensiva u fis-16-il minuta, xutt ta’ Ricardo Correa Duarte, ġie salvat parzjalment mill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Pietá, Reeves Cini, qabel intemm għand Degran Jackson, li minn taħt il-lasta tefa’ inkreddibilment barra.
Huma kompelw jippressaw u fl-24 minuta, Ricardo Correa Duarte għadda tajjeb lejn Armah Vaikainah, bix-xutt ta’ dan tal-aħħar jiġi salvat parzjalment minn Reeves Cini, bid-dfiża ta’ Pietá jirnexxielha tikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.
Pietá wieġbu tliet minuti biss wara, meta ż-żagħżugħ Kian Leonardi serva lil Armen Hovhannisyan, b’dan ikollu t-tentattiv tiegħu salvat tajjeb f’corner mill-goalkeeper ta’ Sirens, Matthew Grech.
Sirens reġgħu ħolqu l-periklu fl-40 minuta permezz ta’ freekick ta’ Ricardo Correa Duarte, li ġie mdawwar tajjeb f’corner minn Reeves Cini.
Fit-tieni taqsima, kien biss fis-67 minuta li ġiet innutata l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, b’Sirens ikunu huma li joħolqu l-periklu meta f’azzjoni maħduma bizzilla bejn Degran Jackson, Ricardo Correa Duarte u Armah Vaikainah, dan tal-aħħar kellu x-xutt tiegħu li ntemm gholi.
Pietá H wieġbu fis-70 minuta meta Terence Agius wara li rċieva mingħand Armen Hovhannisyan, kellu x-xutt tiegħu li ntemm għoli.
Sirens reġgħu ħolqu l-periklu fis-86 minuta meta Degran Jackson kellu xutt sabiħ li ġie mdawwar f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ riserva ta’ Pietá, Jake Farrugia.
Fil-ħin miżjud, Pietá, kienu għoddhom skorjaw il-goal tar-rebħa iżda daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Armen Hovhannisyan ġiet salvata bi bravura mill-goalkeeper ta’ riserva ta’ Sirens, Andriy Vella.
Referee: Stefan Pace
Player tal-Logħba: Ricardo Correa Duarte (Sirens)