F’partita pjuttost medjokri u b’ħafna logħob f’nofs il-ground, Naxxar Lions u Melita temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr goals.
Dan kien it-tieni draw konsekuttiv għal Melita wara dak miksub kontra Sliema Wanderers. Dan filwaqt li dan id-draw fisser punt importanti għal Naxxar wara l-umiljazzjoni fit-telfa kbira ta’ 6-0 kontra Hamrun Spartans.
L-ewwel taqsima kienet ferm kwieta fejn ġew innutati biss tliet azzjonijiet denji ta’ nota. Kienu Melita li ħolqu l-ewwel periklu wara kwarta logħob meta Andre Penha Da Costa minn pożizzjoni angulta xeħet għoli. Huma komplew fuq l-offensiva bl-istess player Penha Da Costa ikompli jkun xewka fid-difiża ta’ Naxxar u fit-28 minuta avvanza tajjeb fil-kaxxa iżda kellu x-xutt tiegħu jgħaddi jħakkek mal-wieqfa.
Naxxar wieġbu għall-ewwel darba fl-40 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ Takuma Yamaguchi li ġie salvat bi tbatija mill-goalkeeper ta’ Melita, Gosef Mizzi.
It-tieni taqsima kompliet bl-istess rendiment tal-ewwel waħda u fl-64 minuta xutt tas-sostitut Barbosa għal Naxxar ġie mxellef f’corner.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Emanuel Grech
Plejer tal-Logħba: Andre Carlos Penha Da Costa (Melita)