Wara d-draw pożittiv ta’ 2-2 kontra s-Slovenja nhar il-Ħamis li għadda, Malta kisbet draw ieħor pożittiv din id-darba ta’ mingħajr goals kontra l-Belarus f’partita oħra ta’ ħbiberija.
Il-Maltin kienu aħjar fl-ewwel taqsima żda fit-tieni taqsima naqsu ftit mill-intensitá tagħhom.
Kollox ma’ kollox, iżda, l-affarijiet qed jidhru sbieħ għat-team nazzjonali Malti mmexxi mill-kowċ Michele Marcolini, fejn f’din il-partita, bħal f’dik kontra s-Slovenja, il-Maltin dehru pożittivi u ferm organizzati mil-lat tattiku.
L-ewwel 25 minuta tal-partita kienu mimlija emozzjoni iżda mbagħad il-partita ddeludiet rigward azzjonijiet denji ta’ nota.
Intant, wara d-debutt kontra s-Slovenja, għall-Maltin, iddebutta mal-ewwel 11 il-player ta’ Floriana, Carlo Zammit Lonardelli.
Kienu l-Maltin li ħarġu fuq l-offensiva u wara sitt minuti Carlo Zammit Lonardelli xeħet cross mil-lemin b’difensur tal-Belarus ixellef bi ftit il-ballun fejn għal ftit ma kkommettiex auto-goal iżda l-goalkeeper tal-Belarus, Sergei Ignatovich, kien attent u salva kull periklu.
Tliet minuti wara Kemar Reid dar tajjeb mad-difensur Pavel Zebelin qabel kellu x-xutt angulat fil-baxx tiegħu jgħaddi jħakkek ma’ sieq il-wieqfa.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Maltin u fis-16-il minuta wara li rċieva minn cross ta’ Carlo Zammit Lonardelli, Kyrian Nwoko, kellu d-daqqa ta’ ras mhux b’saħħitha iżda preċiża tiegħu taħbat mal-wieqfa, bil-Belarus jeħilsuha ħafif.
Il-Belarus wieġbu għall-ewwel darba fl-20 minuta permezzz ta’ Evgeni Yablonski li kellu x-xutt fil-baxx mid-distanza tiegħu jgħaddi ftit barra.
Il-Maltin reġgħu ħolqu l-periklu żewġ minuti biss wara meta Kyrian Nwoko kellu l-konklużjoni tiegħu minn taħt il-lasta tintemm barra.
Dan sabiex fit-23 minuta Nikolai Muscat dejjem għal pajjiżna kellu x-xutt fil-baxx mid-distanza tiegħu, prattikament mill-istess żona li minnha Matthew Guillaumier sab ix-xibka kontra s-Slovenja, salvat bi bravura minn Ignatovich.
Minn hawn il-quddiem l-partita kompliet tkun kkaratterizzat minn ħafna logħob f’nofs il-ground.
Dan sat-72 minuta meta freekick insidjuż mid-distanza tas-sostitut Valeri Gromyko għall-Belarus għadda ftit għoli.
Il-Maltin tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw il-goal tar-rebħa fis-87 minuta meta s-sostitut Nevin Portelli għadda tajjeb lejn Zach Muscat li kellu l-konklużjoni tiegħu minn qagħda ideali salvata mingħajr wisq diffikultá minn Ignatovich.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita.
Referee: Martin Dohal (Slovakkja)
Ritratt: Domenic Aquilina