Fil-konfront tant mistenni tat-Tnejn filgħaxija, Floriana u Hamrun Spartans temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr goals.
Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet il-15-il partita konsekuttiva mingħajr rebħa għal Floriana kontra Hamrun, bl-aħħar waħda għalihom tiġi reġistrata lura fit-3 ta’ Frar 2018, meta dakinhar il-Greens kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor minimu ta’ 1-0.
Floriana kellhom lill-iskorer prolifiku Franklin Sasere sospiż.
Qabel il-partita ġiet osservata minuta silenzju ad unur il-mibki iżda qatt minsi Papa Franġisku li ħalla din id-dinja t-Tnejn kmieni filgħodu. Barra minn hekk, il-bandieri biswit l-Istadium Nazzjonali ttajru mezzasta.
Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu u fid-disa’ minuta Jake Grech kellu x-xutt tiegħu mill-viċin li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper internazzjonali ta’ Hamrun, Henry Bonello, li dawwar f’corner bi bravura.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-27 minuta, reġa’ kien Jake Grech li ħoloq il-periklu meta kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali devjat f’corner minn Hamrun.
L-istess Jake Grech kompla jirriżulta bħala l-aqwa player fost sħabu u żewġ minuti biss wara kellu xutt mill-viċin salvat tajjeb minn Bonello.
Hamrun wieġbu fit-32 minuta meta Raphael Lopes Silva approfitta mill-fatt li d-difenust ta’ Floriana Oualid El Hasni żelaq fil-kaxxa, iżda ra lill-goalkeeper tal-Greens Christoffer Mafoumbi, li ħareġ barra minn postu biex interċetta kull periklu.
Fil-45 minuta, eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-coach ta’ Floriana, Darren Abdilla, kellu jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-player internazzjonali Carlo Zammit Lonardelli, li deher li weġġa’ l-hamstring, biex minfloku daħal jilgħab iż-żagħżugħ Aleandro Garzia.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, fejn fil-85 minuta, tkeċċa għal Hamrun, il-captain Steve Borg, wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Floriana tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw il-goal tar-rebħa fil-ħin miżjud meta s-sostitut Gabriel Sotomayor ra lil Bonello jsalva tajjeb wara li ħareġ barra minn postu.
Huma komplew jippressaw u mumenti wara reġa’ kien l-istess Sotomayor li ħolqu l-periklu meta kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu jintemm ftit għoli.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Malcolm Spiteri
Plejer tal-Logħba: Henry Bonello (Hamrun Spartans FC)