Balzan u Valletta temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr goals, bil-Beltin, iżda żgur li ma kienu jisirqu xejn li kieku ħarġu bil-punti massimi mill-partita, hekk kif indubbjament kienu l-aħjar team fil-ground.
Kienu Valletta li ħolqu l-ewwel periklu meta fit-12-il minuta, wara li rċiecva minn corner ta’ Brandon Paiber, Garba kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu li ntemmet barra. Huma komplew fuq l-offensiva, u fl-24 minuta, Federico Vega kellu cross-shot li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Balzan, Danilo Golovic.
Żewġ minuti bis wara, Andre Prates kien strumentali għal Balzan meta mblokka tajjeb xutt ta’ David Garba wara li Golovic, kien megħlub għal kollox, wara li kien salva xutt ta’ Brandon Paiber.
Valletta baqgħu jippressaw u fit-38 minuta Garba mil-lemin tefa’ cross lejn ix-xellug bil-ballun jasal għand Enzo Ruiz b’dan tal-aħħar jipprova xutt bid-dawra li ntemm barra.
Kien fil-55 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fit-tieni taqsima, bil-Beltin ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Brandon Paiber għadda tajjeb lejn Jhonnatann Benites li min-naħa tiegħu tefa’ cross lejn Garba li ma rnexxielux jagħmel kuntatt mal-ballun, li finalment intemm barra. Erba’ minuti wara, Jhonnattan Benites, dejjem għall-Beltin, wara li rċeiva mingħand Brandon Paiber, kellu x-xutt tiegħu li ntemm ftit barra.
Minn hawn il-quddiem il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground.
Dan sad-90 minuta meta l-Player tal-Logħba, Brandon Paiber, kellu x-xutt angolat fil-baxx tiegħu minn ġol-kaxxa jintemm ftit barra.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Matthew De Gabriele
BOV Plejer tal-Logħba: Brandon Paiber (Valletta FC)