Fl-ewwel partita tal- Ħadd fl-Stadium Nazzjonali f’ Ta’ Qali Naxxar Lions u Marsaxlokk ħadu punt kull wieħed f’partita li m’offriet l-ebda goal.
L-ewwel azzjoni tal-partita waslet wara biss minuta mill-ftuħ meta kien Yuri Messias għadda ballun lejn Sunday Akinbule li avvaza u waħdu quddiem Matthias Debono, ra t-tentattiv tiegħu jkun mdawwar f’corner mill-istess goalkeeper.
Fis-sitt minuta mill-ġdid kienu Marsaxlokk meta kien Leandro Aguirre li provda kross li wasal għand Sunday Akinbule li kien antiċipat tajjeb mid-difiża Naxxarija, bil-ballun eventwalment jintemm f’corner.
Fit-22 minuta wieġbu għal ewwel darba Naxxar, meta kien Takuma Yamaguchi li prova kross li iżda ma kien milħuq minn ħadd min sħabu, bil-ballun għadda minn quddiem l-lasta u ntemm barra.
Marsaxlokk mill-ġdid perikolużi fid-39 minuta mete kien freekick ta’ Leanrdo Aguirre li wasal għand Sunday Akinuble li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata u mdawwra f’corner mill-goalkeeper Naxxari, Matthias Debono.
Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima u reġgħu kienu Marsaxlokk b’freekick ta’ Yuri Messias li għal darb oħra ntemm għand Sunday Akinbule li kompla lejn Diego Pires Dall’Oca iżda Matthias Debono nnewtralizza l-azzjoni.
L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima waslet mas-siegħa logħob meta kien Sunday Akinbule li x-xutja minn barra l-kaxxa, liema xutt kien salvat bla problema mill-goalkeeper ta’ Naxxar Lions. Għaxar minuti wara u reġgħu Marsaxlokk meta kien s-sostitut Anthony Abah Obonogwu li krossja lejn Jacob Walker li kellu x-xutt tiegħu salvat minn Debono.
Fis-78 minuta kienu Naxxar Lions li resqu viċin li jiftħu l-iskor meta kien Mark Fenech li rċieva minn corner iżda x-xutt tiegħu kien salvat minn Marko Drobnjak.
Referee: Slobodan Petrovic
BOV Plejer tal-Logħba: Matthias Debono (Naxxar L.)