F’konfront ferm bilanċjat u akkanit mill-bidu sat-tmiem, Sliema Wanderers u Hibernians temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ġust ta’ mingħajr goals.
Kollox ma’ kollox kienet partita ferm tattika, b’xi waqtiet medjokri u nieqsa mill-emozzjoni.
Sliema Wanderers kellhom lil Jospeh Minala u Geoffrey-Edwin Achempong sospiżi.
Kien fl-14-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita, bil-Pawlisti jkunu huma li joħolqu l-periklu meta freekick ta’ Claudio Bonanni ġie salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper tal-Wanderers, Rashed Al Tumi.
Sliema wieġbu fil-25 minuta meta cross-shot insidjuż ta’ Denis Koaou li ġie mblukkat mid-difiża tat-team minn Raħal Ġdid.
Tliet minuti biss wara Vito Plut għas-Slimiżi xeħet cross fid-direzzjoni ta’ Lydon Micallef li iżda ma rnexxilux jagħmel kunatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Hibernians irrispondew fit-42 minuta meta l-Grieg Giannis Bastianos avvanza tajjeb fuq ix-xellug iżda kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu mdawwar f’corner bi bravura minn Al Tumi.
Il-Pawlisti komplew jiddettaw il-logħob u fil-45 minuta l-istess Giannis Bastanos kellu x-xutt tiegħu salvat parzjalment minn Al Tumi, daħal tajjeb Kurt Shaw iżda l-goalkeeper tal-Wanderers dawwar tajjeb f’corner.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Sliema, ħarġu ferm aggressivi u fis-57 minata Vito Plut xeħet cross lejn Lydon Micallef li indirizza l-ballun lejn il-lasta iżda pront kien Gabriel Alves Fernandes li ddevja l-ballun f’corner, bil-Pawlisti jeħiluha ħafif.
Fit-78 minuta is-sostitut Ukren tal-Wanderers Daniil Kondrakov kellu xutt insidjuż minn pożizzjoni ideali li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper ta’ Hibernians, Ibrahim Kone, li dawwar tajjeb f’corner.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Malcolm Spiteri
BOV Plejer tal-Logħba: Lydon Micallef (Sliema W.)