Balzan u Mosta temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ġust ta’ mingħajr goals.
Kienu Mosta li ħolqu l-ewwel periklu fit-tmien minuta u kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, Henry Chidera Nwoga għola tajjeb u kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tistampa mal-mimduda u tintemm għoli.
Balzan wieġbu tliet minuti wara meta Nikola Braunovic għadda pass preċiż lejn George Henry Raymond Blackwood li mill-viċin spara għoli.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fid-39 minuta resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Aleksa Andrejic minn pożizzjoni ferm ideali kellu x-xutt fil-baxx u angulat tiegħu jintemm ftit barra.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut ta’ Balzan u minuta biss wara rebħu penalty meta Jake Vassallo waqqa’ lil Blackwood fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-istess Blackwood li ra lill-goalkeeper ta’ Mosta David Udoh Akpan isalva bi bravura.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Mosta ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jiftħu l-iskor u fid-59 minuta, Damian Evans, kellu x-xutt tiegħu kważi minn tarf il-kaxxa jintemm ftit barra.
Balzan wieġbu fil-81 minuta meta s-sostitut Jan Busuttil avvanza tajjeb fil-kaxxa qabel ra x-xutt b’saħħtu tiegħu minn qagħda angolata jiġi mdawwar f’corner minn Akpan.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, bl-iskor jibqa’ ma jinbidilx sat-tmiem, biex b’hekk iż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed.
Referee: Fyodor Zammit
BOV Plejer tal-Logħba: David Udoh Akpan (Mosta FC)