Sirens u Naxxar Lions temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ġust ta’ 1-1 f’partita li laħqet il-kulminu tagħha proprju lejn it-tmiem. Kienet partita li fiha r-riżultat seta’ jmur kull naħa, iżda ż-żewġ timijiet sabu liż-żewġ goalkeepers rispettivi Andrea Cassar għal Sirens u Matthias Debono għal Naxxar f’vena mill-aqwa li salvaw diversi goals ċerti.
Kienu Naxxar Lions li ħarġu fuq l-offensiva u wara disa’ minuti, xutt ta’ Pablo Augusto De Carvalho ġie mblukkat bi bravura mill-goalkeper ta’ Sirens, Andrea Cassar. Dan sabiex mill-azzjoni li segwiet minuta biss wara, reġa’ kien De Carvalho li mpenja lil Andrea Cassar, li reġa’ salva tajjeb.
Iżda kienu Sirens li fetħu l-iskor fl-14-il minuta meta Nicholas Pulis, avvanza tajjeb u xeħet cross fil-baxx lejn Degran Jackson li minn taħt il-lasta venven xutt b’saħħtu li ma ta l-ebda cans.
Il-kumplament ta’ din it-taqsima kien ikkaratterizzat minn ħafna logħob f’nofs il-ground.
U l-ftuħ tat-tieni taqsima, daqstant ieħor ftit li xejn offra spettaklu. Dan sat-68 minuta meta Edson Farias għal Naxxar għadda tajjeb lejn Pablo Augusto De Carvalho li kellu x-xutt tajjeb tiegħu imblukkat f’corner mis-solitu Andrea Cassar.
Sirens wieġbu mill-azzjoni li segwiet minuta biss wara, permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ Nixon Rocha li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper żagħżugħ ta’ Naxxar Lions, Matthias Debono, li dawwar f’corner b’mod spettakolari.
Naxxar Lions meritatament ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ xutt b’saħħtu tal-Ġappuniż Takuma Yamaguchi li ma ta l-ebda ċans lil Andrea Cassar.
Sirens irrispondew tliet minuti wara u rebħu penalty meta Fernando Barbosa waqqa’ lil Bismark Asare fil-kaxxa. Iżda mill-11 il metru inkariga ruħu Nixon Rocha li spara inkredibbilment għoli.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita.
Referee: Andrea Sciriha
BOV Plejer tal-Logħba: Andrea Cassar (Sirens)