F’konfront mill-aktar bilanċjat u akkanit, Marsaxlokk u Gzira U. temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ġust ta’ 1-1.
Kien biss fit-23 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-paritta meta Lucas Macula kellu x-xutt tiegħu salvat bi bravura mill-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Matthew Calleja Cremona, biex mir-rebound Thaylor Aldama tefa’ ġewwa, iżda r-referee Fyodor Zammit kien pront u ħassar dan il-goal minħabba li ġġudika li dan tal-aħħar kien jinsab proprju f’pożizzjoni ta’ offside.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-32 minuta rebħu penalty meta Jake Ghio waqqa’ lill-player ta’ Gzira fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-Brażiljan Gabriel Bohrer Mentz li ma żbaljax, hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Calleja Cremona in-naħa opposta, b’dan ikun is-sitt goal staġjonali tiegħu.
Fit-58 minuta Marsaxlokk ġabu l-iskor indaqs meta Yuri De Jesus Messias, minn penalty, ma żbaljax.
Gzira fallew ċans tad-deheb li jaqilbu l-iskor favurihom fil-71 minuta meta Kyle Spence minn pożizzjoni mill-aktar ideali tefa’ inkreddibilment barra.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Fyodor Zammit
BOV Plejer tal-Logħba: Yuri De Jesus Messias (Marsaxlokk FC)