F’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’kundizzjoniiet klimatici mhux ottimali fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali u f’dik li mmarkat id-debutt tal-coach Taljan Davide Mazzotta bħala kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, l-istess tim temm il-konfront tiegħu kontra l-Estonja fi draw ġust ta’ 1-1, biż-żewġ goals jaslu fl-ewwel taqsima.
Din il-partita kella l-għan ewlieni li tkompli tipprepara lill-players Maltin għall-Kwalifiki tal-Kampjonat Ewropew U21 tal-UEFA 2025-27 li jmiss, fejn Malta ttellgħet biex tilgħab fi Grupp F flimkien mal-Ġermanja, Georgia, il-Greċja, l-Irlanda ta’ Fuq, u l-Latvja, bl-ewwel partita tkun logħba f’darna kontra l-Greċja f’Settembru li ġej.
Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu fis-16-il minuta meta Andrew Borg kellu x-xutt sabiħ tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper tal-Estonja. Huma komplew jiddettaw il-logħob u erba’ minuti wara, wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner Keiyon Ewurum kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Iżda mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch minuta biss wara kienu l-Estonja li fetħu l-iskor meta Sander Tovstik għadda tajjeb lejn KAREL MUSTMAA li minn qagħda angolata u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.
Madankollu, il-Matlin ma rmewx ix-xuagaman anzi wettqu reazzjoni mill-aqwa u fl-24 minuta meritatament ġabu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minn corner ta’ Agius, KEYON EWURUM kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin tefa’ ġewwa.
L-Estonja resqu qrib li jerġgħu imorru fil-vantaġġ fid-29 minuta meta Sillamaa kellu xutt b’saħħtu salvat tajjeb mill-goalkeeper Malti ta’ Hibernians, Hugo Sacco.
Malta wieġbet fl-34 minuta permezz ta’ xutt tas-solitu Ewurum li ntemm barra.
Il-partita kompliet tisbieħ u fl-40 minuta, l-Estonja reġgħu resqu qrib li jsibu x-xibka meta xutt ta’ Luts ħareġ l-aħjar ta’ Sacco li salva b’mod stupend, biex mir-rebound Siht xeħet inkredibbilment barra. Il-Maltin wieġbu żewġ minuti biss u tilfu opportunitá tad-deheb ta’ skor meta Bridgeman kellu xutt sabiħ li ġie salvat bi bravura mill-goalkeeper tal-Estonja, Nomm Ott, b’dan ikun l-isbaħ save tal-logħba.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Estonja ħarġu ferm aggressivi u fid-49 minuta, is-sostitut Filatov, kellu xutt mill-viċin li ntemm barra. Huma komplew fuq l-offensiva u fis-56 minuta konklużjoni mill-viċin ta’ Oskar Hoim għaddiet għoli.
L-Estonja tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw il-goal tar-rebħa fis-77 minuta meta minn azzjoni ta’ kontrattakk veloċi, u bid-difiża Maltija li nqabdet fuq sieq waħda, is-sostitut Karel Eerme kellu l-konklużjoni tiegħu mill-viċin li ntemmet ftit barra.
Malta wieġbet fis-86 minuta permezz ta’ freekick fil-baxx ta’ Zak Barbara li ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper tal-Estonja, Nomm Ott. Huma reġgħu kienu perikolużi żewġ minuti biss wara, meta Leonardi mill-viċin laqat il-ballun ħażin u finalment intemm barra, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Ritratt: Criag Camilleri