Fl-ewwel partita minn programm tat-tnejn is-Sibt wara nofsinhar Floriana lagħbu kontra Hibernians fil-Gozo Stadium fejn iż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed fid-draw ta’ 1 – 1.
Kien draw meritat b’Floriana xi ftit aħjar mill-avversarji fl-ewwel parti tal-logħba iżda Hibernians kibru fil-partita mal-ħin u rizultat tad-draw kien l-izjed wieħed li kien jimmerita liż-żewġ timijiet.
Kienet partita li attirat numru sabiħ ta’ partitarji li ma dejjqu xejn jaqsmu l-fliegu u jagħtu s-support lit-tim tagħhom.
Fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota Floriana marru fil-vantaġġ hekk kif fit-tmien minuta ndeċiżjoni fid-difiża ta’ Hibernians, approfitta Franklin Sasere li avvanza u b’konklużjoni preċiża xeħet il-ballun wara l-Spanjol Pablo Sanchez biex b’hekk poġġa lill-Floriana fil-vantaġġ.
Reazzjoni ta’ Hibernians fl-erbatax il-minuta meta mill-cross ta’ Bjorn Kristensen, id-difiza ta’ Floriana irnexxila tikklerja f’corner fil-ħin qabel seta jilħaq u jikkonkludi Lucas Villela Lapert. Mill-corner, d-daqqa ta’ ras ta’ Kurt Shaw ġiet salvata minn Mafoumbi bla wisq periklu.
Mafoumbi mill-ġdid salva bla wisq diffikulta tliet minuti wara konklużjoni minn free-kick ta’ Dexter Xuereb.
Fil-25 minuta cross ta’ Gamarra, id-difiża ta’ Hibernians baqgħet statika, Zammit Lonardelli mill-viċin ikkonkluda fix-xibka żda l-goal tħassar għal offside. Fis-36 minuta Hibernians mill-ġdid fuq l-offensiva meta konklużjoni fil-baxx ta’ Rodrigo Fraga għaddiet kemm kemm barra. Anke Hibernians kellhom goal imħassar għal offside fit-42 minuta, ballun li ġie konkluż minn Lucas Villela Lapert.
Eżatt qabel l-intervall free-kick ta’ Kristensen, ballun għand Fraga li mill-ewwel kompla lejn Sorokin li xeħet inkredibilment għoli.
Hibernians fetħu tajjeb fit-tieni taqsima u wara sitt minuti xutt sabiħ ta’ Lucas Villela Lapert ġie devjat f’corner. Lis-stess plejer reġa kien perikoluż sekondi biss wara żda l-konklużjoni tiegħu għaddiet barra.
Appena għaddew is-siegħa logħob xutt sabiħ ta’ Bjorn Kristensen mill-ġdid ġie salvat mingħajr wisq diffikulta minn Mafoumbi.
Fit-78 minuta Hibernians meritatament ġabu d-draw meta minn cross ta’ Stanislav Sorokin, il-captain Bjorn Kristensen waħdu quddiem Mafoumbi d-depożita l-ballun fix-xibka u ġab id-draw għat-tim minn Raħal Ġdid.
Risposta ta’ Floriana ħames minuti wara meta s-sostitut Sotomayor qassam lejn Sasere li minn pużizzjoni xi ftit angolata kkonkluda barra. Mat-tokki tad-disgħin minuta s-sostitut Zack Scerri ġab lil Franklin Sasere ta’ Floriana f’pużizzjoni tajba żda l-konklużjoni tiegħu ġiet salvata f’żewġ tentattivi minn Sanchez.
Iż-żewġ timijiet ma’ rnexxilhomx jerġgħu isibu x-xibka avversarja minkejja l-sforzi fl-aħħar mumenti bil-konfront ġustament jintemm fid-draw ta’ 1 – 1.
Referee: Malcolm Spiteri
Plejer tal-Logħba: Bjorn Kristensen (Hibernians FC)