Il-konfront ferm mistenni bejn Floriana u Hamrun Spartans intemm fi draw ta’ mingħajr goals biex l-Ispartans kienu qed iwaqqgħu l-ewwel punti f’din il-fażi tal-kampjonat.
Deher bilanċjat assolut bejn iż-żewġ naħat li prattikament ikkanċellaw lil xulxin għal ħafna ħin matul id-90 minuta, tant li l-goalkeepers rispettivi ftit li xejn ġew impenjati.
Floriana ħolqu l-ewwel periklu wara żewġ minuti biss logħob meta Jake Grech temm kontrattakk veloċi b’xutt minn pożizzjoni angolata fil-kaxxa li l-goalkeeper Hamruniż Henry Bonello nterċetta b’siequ.
Hamrun wieġbu fis-17-il minuta b’xutt mill-bogħod ta’ Ryan Camenzuli li l-goalkeeper Furjaniż Christoffer Mafoumbi dawwar f’corner.
Reġgħu kienu Hamrun li resqu qrib fit-33 minuta permezz ta’ xutt ta’ Freitas Da Silva li ġie mxellef f’corner.
Fit-tieni taqsima ftit li xejn rajna titjib fil-logħob taż-żewġ naħat tant li kellna azzjoni waħda denja ta’ nota fuq kull naħa.
Fit-48 minuta Jake Grech avvanza tajjeb għal Floriana bix-xutt finali tiegħu jiġi salvat f’corner minn Bonello.
Hamrun wieġbu bi freekick ta’ Taison Barboza fit-68 minuta li l-goalkeeper Furjaniż Mafoumbi salva f’corner.
Sat-tmiem iż-żewġ naħat qatt ma reġgħu heddew serjament bl-aħħar nota li ħadna kienet fit-88 minuta meta t-team manager ta’ Floriana Mano Micallef intwera l-karta ħamra mir-referee Fyodor Zammit għal protesti li wettaq.
Referee: Fyodor Zammit
Plejer tal-Logħba: Carlo Zammit Lonardelli (Floriana FC)