F’konfront ferm movimentat, entużjażmanti u mimmli epsiodji, Birkirkara u Marsaxlokk temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ġust ta’ 1-1.
Marsaxlokk kellhom lill-kowċ Taljan Vincenzo Potenza sospiż wara akkumalazzjoni ta’ erba’ karti sofor, fejn segwa l-partita mill-VIP stand. Dan filwaqt li Birkirkara kellhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ tliet players importanti – Agustin Sandona, Paul Mbong u Neil Micallef, li kienu sospiżi, iżda kienu msaħħa bir-ritorn ta’ Alex Satariano u Tomislav Papazov minn sospensjoni.
Kienu Marsaxlokk li ħolqu l-ewwel periklu wara biss tliet minuti meta Yuri De Jesus Messias kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali devjat f’corner minn Luis Mario Mina Cordova.
Birkirkara wieġbu fit-12-il minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, l-aqwa skorer tal-kampjonat b’21 goal, Maxuell Maia, kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu minn ġol-kaxxa jintemm ftit barra.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-21 minuta, KEMAR REID, qabeż tajjeb difensur avversrarju u b’eleganza tefa’ ġewwa, biex ta vantaġġ bikri lil-Istripes.
Fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, freekick tal-ispeċjalista Yuri De Jesus Messias għal Marsaxlokk ġie ppanċjat f’sigurtá mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara, Giacomo Volpe.
Birkirkara reġgħu ħolqu l-periklu fl-54 minuta meta l-captain Alex Satariano kellu xutt bid-dawra mill-viċin li ntemm ftit barra.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Marsaxlokk u kulma jmur bdew iżidu fir-ritmu tagħhom u fit-68 minuta, Yuri De Jesus Messias, ittanta xortih peremzzz ta’ xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa li iżda ntemm għoli.
Huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u fl-74 minuta rebħu penalty, meta d-difensur Bulgaru ta’ Birkirkara Tomislav Papazov miss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu YURI DE JESUS MESSIAS li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Volpe n-naħa opposta.
L-affarijiet komplew ġejjin ħażin għal Birkirkara u speċjalment għal Papazov innifsu hekk kif erba’ minuti biss wara, l-istess player tkeċċa għalihom permezz ta’ karta ħamra diretta għalkemm diġá kien ammonit fl-ewwel taqsima, wara foul fl-attakk fuq player ta’ Marsaxlokk.
Fil-81 minuta, Birkirkara pprotestaw għall-penalty meta l-goalkeeper ta’ Marsaxlokk Matthew Calleja Cremona ħareġ barra minn postu u deher li allegatament waqqa’ lil Maxuell Maia fil-kaxxa, iżda r-referee Trustin Farrugia Cann ħalla l-logħob għaddej.
Marasaxlokk tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw il-goal tar-rebħa fit-88 minuta meta Jorge Ailton Soares minn taħt il-lasta laqat il-ballun ħażin, u finalment it-tentattiv tiegħu ġie salvat mingħajr diffikultá minn Volpe.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-ħin miżjud kellhom ferħa bla temma meta Jose Ulises Arias mill-viċin tefa’ ġewwa, iżda r-referee Trustin Farrugia Cann kien pront u ħassar dan il-goal minħabba offside.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer tal-Logħba: Yuri De Jesus Messias (Marsaxlokk FC)