Hekk kif il-Ġimgħa tela’ s-siparju tat-360 Sports Malta Premier, fl-ewwel partita li pproduċiet xejn inqas minn sitt goals u tliet penalties, Balzan u l-ġirien Birkirkara temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ġust ta’ 3-3.
Birkirkara fetħu l-iskor proprju fl-ewwel azzjoni perikoluża li ħolqu fit-13-il minuta meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Paul Mbong, il-ballun intemm għand MAXUELL MAIA li permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Iżda Balzan ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni mmedjata u ta’ dan ġew ippremjati meta erba’ minuti wara ġabu l-iskor indaqs hekk kif minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Jan Busuttll, HENRI BRAHAM STANIC kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras oħra tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara, Giacomo Volpe.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fid-39 minuta qalbu l-iskor favurihom meta minn azzjoni maħdmua bizzilla, Jan Busuttil għadda tajjeb lejn in-neo-akkwist NICHOLAS PULIS li venven xutt fil-baxx mid-distanza li ntemm ġewwa.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Birkirkara rebħu penalty meta Kevin Williams waqqa’ lil Maxuell Maia fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-istess MAXUELL MAIA li permezz ta’ konklużjoni ċentrali tefa’ ġewwa.
Fil-50 minuta, Balzan rebħu penalty meta Alex Satariano waqqa’ lil Alexandar Ayo Akpan fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-istess ALEXANDAR AYO AKPAN li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Huma komplew jippressaw u fit-63 minuta Isaac Westendorf kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali jintemm ftit barra.
Birkirkara wieġbu mill-azzjoni li segwiet minuta biss wara u Maxuell Maia niżżel il-ballun lejn Maicon da Silva Souza li kellu xutt insidjuż mill-ewwel li wkoll intemm ftit barra.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-67 minuta wara li rċieva minn azzjoni ta’ freekick, Maxuell Maia kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Istripes u fit-73 minuta, Maxuell Maia kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu destinat għal ġox-xibka jiġi maqlugħ minn fuq il-linja inkredibbillment minn sieħbu stess Paul Mbong.
Azzjoni wara l-oħra, fit-80 minuta, Birkirkara rebħu penalty meta Nicholas Pulis deher jiffawlja lil Maxuell Maia fil-kaxxa. Mill-11-il metru rega’ nkariga ruħu MAXUELL MAIA li bi preċiżjoni tefa’ l-ballun fis-saqaf tax-xibka, biex b’hekk irreġistra hat-trick personali, b’dan ikun il-50 goal tiegħu kemm ilu jilgħab f’Malta.
Tmien minuti wara Nicholas Pulis għal Balzan kellu xutt insidjuż mid-distanza li ħareġ l-aħjar ta’ Volpe li dawwar f’corner bi bravura.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Matthew Degabrielle