It-tim nazzjonali Malti tan-nisa barra minn daru temm il-konfront tiegħu kontra l-Moldova fi draw ta’ mingħajr goals, biex b’hekk il-Maltin ikollhom jistennew sa nhar it-Tlieta biex jaċċertaw ruħhom mill-promozzjoni għal-League B tal-UEFA Women’s Nations League, minħabba li f’partita oħra, il-Latvja għelbu lill-Andorra bl-iskor kbir ta’ 4-0.
Fil-klassifika, Malta, tinsab fil-quċċata ta’ Grupp C bi 13-il punt, tliet punti distakk fuq il-Latvja, biż-żewġ timijiet ikunu impenjati nhar it-Tlieta li ġej ġewwa pajjiżna fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali, bi draw ikun biżżejjed għall-Maltin biex jiksbu l-kwalifikazzjoni.
Kienet partita li fiha l-Maltin ħolqu l-aktar okkażjonijiet ta’ skor, madankollu naqsu milli jsibu x-xibka. Ta’ nota huwa l-fatt li wara erba’ rebħiet konsekuttivi, dan kien l-ewwel draw għall-Maltin f’dan il-grupp. Barra minn hekk, il-Maltin baqgħu ma sofrew l-ebda goal fl-istess grupp.
Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu mal-kwarta loghob meta xutt ta’ Haley Bugeja minn pożizzjoni idelai, intemm barra.
Il-Moldova wieġbu fil-21 minuta permezz ta’ Xutt tal-11 minn mal-art li ġie salvat f’corner minn Janice Xuereb. Mill-corner li rriżulta, xutt tat-20 għadda għoli.
Malta reġgġet ħolqot il-periklu fut-43 minuta permezz ta’ freekick ta’ Rachel Cuschieri, li intemm għoli.
Mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch sekondi biss wara, Carolina Tabur għall-Moldova, wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Maltija Janice Xuereb rat lil din tal-aħħar issalva tajjeb.
Fil-ftuħ tat-tenii taqsima, il-Maltin ħarġu ferm aggressivi u fit-48 minuta, xutt ta’ Rachel Cuschieri, intemm għoli.
Il-Moldova wieġbu erba’ minuti wara permezz tas-solita Carolina Tabur li evitat id-daħla ta’ Ann Marie Said iżda kellha t-tentattiv angulat tagħha jintemm barra.
Malta reġgħet ħolqot il-periklu fis-67 minuta meta Alishia Sultana xeħtet cross fil-baxx lejn Haley Bugeja li peró ma laqtitx il-balun tajjeb, li finalment intemm barra.
Fit-80 minuta, il-Moldova qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players wara li tkeċċiet il-player Felicia Gutu, wara li rċeviet żewġ karti sofor fil-partita.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita.