F’partita mimilija episodji, Mosta u Floriana temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 2-2.
Kienu Mosta li ħolqu l-ewwel periklu fis-seba’ minuta meta Giancarlo Goncalves kellu xutt insidjuż li ġie devjat qabel ġie salvat b’diffikultá mill-goalkeeper ta’ Floriana, Christoffer Mafoumbi.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u żewġ minuti wara rebħu penalty meta minn freekick ta’ Clayton Failla, il-wing-back Carlo Zammit Lonardelli deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-istess CLAYTON FAILLA li permezz ta’ xutt b’saħħtu spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Floriana wieġbu għall-ewwel darba minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Franklin Sasere kellu daqqa ta ras pjuttost fjakka li ġiet salvata mingħajr diffikultá mill-goalkeeper ta’ Mosta, Jorgen Demba.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Floriana u fit-52 minuta resqu viċin li jġibu l-iskor indaqs meta Matias Nicolas Garcia xeħet cross lejn Jose Fernando Gomes Junior li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Iżda kienu Mosta li resqu viċin li jirdoppjaw l-iskor proprju tliet minuti wara meta minn azzjoni ta’ kontrattakk veloċi, Stephen Chiemezie avvanza tajjeb, ittanta xortih permezz ta’ lob delizzjuż li iżda stampa mal-mimduda bil-Greens jeħilsuha ħafif.
Il-partita kompliet tisbieħ u Floriana meritatament ġabu l-iskor indaqs mas-siegħa logħob meta DUNSTAN VELLA kellu xutt minn tarf il-kaxxa li ntemm fir-rokna tax-xibka, biex irriżulta goal mill-isbaħ.
Id-drama fil-partita kompliet tikber u żewġ minuti biss wara Mosta rebħu t-tieni penalty fil-partita meta Julian Gonzalo Gamarra waqqa’ lil Prince Afriyie fil-kaxxa. Milll-11-il metru reġa’ nkariga ruħu l-ispeċjalista CLAYTON FAILLA li permezz ta’ xutt b’saħħtu u ċentrali tefa’ ġewwa.
Floriana wettqu reazzjoni tajba u fil-75 minuta, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Fernandinho għadda għoli.
Huma komplew jippressaw u fis-87 minuta rebħu penalty b’dan ikun it-tielet penalty fil-partita meta s-sostitut James Arthur waqqa’ lil Dunstan Vella fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu FRANKLIN SASERE li ma żbaljax.
L-emozzjonijiet fil-partita komplew jikbru u fid-90 minuta Floriana reġgħu appellaw għall-penalty meta Fernandinho deher li allegatament twaqqa’ fil-kaxxa minn player ta’ Mosta iżda r-referee Ezekiel Barbara ħalla l-logħob għaddej.
L-iskor sa tmiem il-partita baqa’ ma nbidilx biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Ezekiel Barbara
Plejer tal-Logħba: Clayton Failla (Mosta FC)