Birkirkara u Marsaxlokk temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ġust ta’ 1-1.
Kienu x-Xlukkajri li ħarġu fuq l-offensiva u fl-10 minuta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Juan Cruz Aguilar ġiet salvata mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper Taljan tal-Istripes, Giacomo Nava.
Birkirkara wieġbu sitt minuti wara meta tentattiv minn pożizzjoni ideali tal-iskorer prolifiku Arġentin Enzo Daniel Cabrera għadda ftit barra.
Ix-Xlukkajri reġgħu ħolqu l-periklu fis-37 permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Yannick Yankam sab lill-goalkeeper Serb ta’ Marsaxlokk, Marko Drobnjak, attent.
U jidher li t-team talk tal-coach ta’ Marsaxlokk, Pablo Doffo, ħalliet l-effett mixtieq hekk kif fis-47 minuta huma fetħu l-iskor meta wara li rċieva minn cross ta’ Santiago Moracci, TIAGO ADAN FONSECA, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Birkirkara rrispondew fit-62 minuta meta wara li rċieva minn conera mogħti minn Diego Pires dall’Oca, Andrei Ciolacu kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin li għaddiet ftit barra.
L-Istripes komplew jippressaw għall-goal tad-draw u erba’ minuti wara rebħu penalty meta Claudio Bonanni waqqa’ lil Enzo Daniel Cabrera fil-kaxxa. Mill-11-il metro nkariga ruħu l-istess ENZO DANIEL CABRERA li ma żbaljax, hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Drobnjak in-naħa opposta.
Il-partita kompliet tiżvolġi b’ħafna logħob f’nofs il-ground bl-iskor jibqa’ ma jinbidilx.
Referee: Glen Tonna
Plejer tal-logħba: Juan Cruz Aguillar (Msarxlokk)