Wara nuqqas ta’ tlett snin, il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun flimkien ma’ Propera Avgesco Drama Group u SEVEN8 Creative Troupe se jkun qed jitwassal mill-ġdid id-dramm tal-passjoni fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun.
Id-dramm ta’ din is-sena jġib l-isem ta’ TABITA. Dramm fuq still klassiku, li ħareġ mill-pinna ta’ James Sultana u fuq direzzjoni ta’ Tanya Agius Borg, se naraw dik il-grajja li seħħet aktar minn elfejn sena ilu, grajja fejn raġel mill-Galilija, beda jippredika, jagħmel il-mirakli, tant li eluf bdew jimxu warajh, u bdew jingħaqdu miegħu. Dan kollu ma’ bediex jinżel tajjeb mal-qassisin u l-kbarat tal-poplu u minhemm bdew jagħmlu minkollox biex jaħtfuh taħt idejhom. Ġuda kellu jkun dak li jwassalhom għalih. L-imgħallem inqabad u beda jgħaddi minn ġuri għallieħor, sakemm kellu jkun Ponzju Pilatu li ħasel idu u tah is-sentenza tal-mewt.
Filwaqt li għaddej dan kollu se nkunu qed naraw ukoll ħajjet Tabita, l-mara ta’ Disma, fejn flimkien ma’ Ġesta, ġew imsallba ma’ Ġesu’. Se nkunu qed ngħixu ddiffikultajiet ta’ din il-mara u fl-aħħar, hi ukoll se tkun qed tgħaddi mid-dulur tagħha, hekk kif bħal Madonna, spiċċat bil-maħbub tagħha mejjet f’ħoġorha.
Għal darba oħra d-dramm tal-passjoni fil-Ħamrun se jkun qed joffri taħlita ta’ emozzjonijiet mwassla b’atturi mill-aqwa, bl-għan li titwassal produzzjoni talgħola livell. Fost l-atturi prinċipali nsibu lil Rudy Emmanuel Catania li se jkun qed jinterpreta l-karattru ta’ Ġesu’ għall-ewwel darba, Marie-Clare Sammut, Rita Camilleri, Hilary Desira, Shawn Ciantar, Kurt Harmsworth, Henry Zammit Cordina, Maria Farrugia, Klinsmann Spiteri, Clayton Abela, Jeremy Grech, Victor Vella, Gilbert Rene Scerri Gill, u Francine Borg. Apparti dawn il-karattri prinċipali hemm ammont sabiħ ta’ nies li ser jkunu qed iwasslu din il-ġrajja tal-ikbar imħabba, minn żgħażagħ, għal irġiel, nisa u kif ukoll tfal. Għal sena oħra din ilproduzzjoni qed issir bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Arċpriet tal-Ħamrun, Dun Walter Cauchi.
TABITA, id-dramm tal-passjoni fil-Ħamrun se jsir nhar is-Sibt 1 ta’ April 2023, fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu fit-8.30pm (wara lquddiesa tas-7.30pm). Dħul huwa b’xejn pero wieħed jista’ jibbukja u jassigura l-post tiegħu billi jasal wasla sal-Kunsill Lokali fil-ħinijiet tal-uffiċju ġewwa Triq id-Duka ta’ Edinburgh, iċempel fuq 21222020, jibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ facebook tal-Kunsill Lokali Hamrun, jew fuq hamrun.lc@gov.mt.