Id-dramm komiku ‘Sisyphean Quick Fix’, li fl-aħħar jiem ittella’ fl-Iskozja bħala parti mill-Edinburgh Festival Fringe, ingħata tifħir u rikonoxximent mill-gazzetta rinomata Britannika The Guardian fis-sezzjoni kulturali tagħha. Fil-fatt il-gazzetta segwita minn miljuni tat tliet stilel minn ħamsa għal dan ix-xogħol artistiku.
B’kitba ta’ Bettina Paris, li hi wkoll protagonista fih, flimkien ma’ Tina Rizzo, u b’direzzjoni ta’ Nicky Allpress, dan ix-xogħol artistiku jirrakkonta wkoll storja, li bbażata f’Malta stess.
Fl-aħħar xhur, ONE News kien iltaqa’ ma’ Bettina Paris, waqt prestazzjoni singolari ta’ ‘Sisyphean Quick Fix’ fin-Naxxar, fejn kienu qed isiru t-tħejjijiet qabel jieħdu sehem fl-Iskozja, f’wieħed mill-akbar festivals magħrufin għall-arti u l-kultura fid-dinja.
Skont il-Guardian, dan id-dramm komiku niżel tajjeb ma’ dawk preżenti fil-festival ta’ Edinburgh, tant li l-prestazzjoni ngħatat klassifikazzjoni tajba mill-gazzetta, li hi rigoruża fil-kritika tagħha.
L-editur teatrali għal The Guardian, Chris Wiegand, saħaq li ‘Sisyphean Quick Fix’ għandu jintogħġob sew, għax it-temi ttrattati kapaċi jolqtu r-realtajiet tal-ħajja ta’ ħafna.
Id-dramm hu bbażat fuq storja ta’ żewġ tfajliet aħwa, Krista, li emigrat lejn Londra, u Pip, li baqgħet tgħix f’Malta, li jintebħu bis-severità tal-vizzju tax-xorb ta’ missierhom, waqt li jiffaċċjaw is-sitwazzjoni fil-familja minn perspettiva ferm differenti.
L-Edinburgh Fringe Festival beda fit-2 ta’ Awwissu u se jibqa’ għaddej sas-26 ta’ Awwissu, bis-sehem ta’ eluf ta’ produzzjonijiet minn mijiet ta’ artisti internazzjonali.