Id-dramm oriġinali, SETTE se jikkommemora ċ-ċentenarju mill-irvellijiet tas-Sette Giugno li seħħew f’Ġunju tal-1919. Dan id-dramm dinamiku huwa organizzat bi sħubija ma’ Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, li nħoloq minn The New Victorians, b’mużika elettronika oriġinali ta’ dan id-duo magħmul minn żewġt aħwa.
Huwa musical ispirat minn dawk l-avvenimenti li ma jintesew qatt li kexkxu l-pajjiż kollu meta ġraw. L-iskript, li huwa mżewwaq bi tliet lingwi: Malti, Ingliż u Taljan, inkiteb mill-kittieba Skoċċiża Erin Carter u ġie tradott mill-kittieb Malti Simon Bartolo.
Il-Ministru Owen Bonnici ddeskriva lil dan id-dramm bħala pjattaforma eċċellenti għall-artisti li qed jikkommemoraw avveniment daqshekk importanti fl-Istorja b’mod li se jkun apprezzat mill-pubbliku.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li, l-istoriċi jaqblu dwar l-importanza seminali tas-Sette Giugno fit-tiswir ta’ pajjiżna fi stat sovran, u mitt sena wara qegħdin nenfasizzaw it-tifsira ta’ dawn il-ġrajjiet bil-għan ewlieni li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda inklużi s-soċjetà tal-lum jifhmu aħjar x’sawwarhom ġens b’identità.
Id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar qal li b’dan id-dramm ried jenfasizza dan iċ-ċentenarju anke biex dawn il-ġrajjiet jibqgħu fil-memorja kollettiva permezz tat-teatru u tal-mużika.
VII se tittlellgħa mil-lejla sas-sittax ta’ Ġunju, fi Piazza d’Armi ta’ Sant’ Iermu fil-Belt Valletta.