Għall-ħames sena konsekuttiva, il-Propera Avegesco Drama Group Ħamrun bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali Ħamrun ser tkun qed ittella’ dramm ieħor fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa fuq iz-zuntier tal-Parroċċa San Gejtanu. Dan ser jsir nhar is-Sibt 24 ta’ Marzu, fit-8.30pm ezatt wara l-quddiesa tat-7.45pm.Il-produzzjoni ta’ din is-sena għanda l-isem ta’ IMSIKKET. Għaldarba oħra, fuq kitba u direzzjoni ta’ Renzo Bonello. Dan id-dramm fuq still klassiku, ser naraw l’aktar parti uman ta’ Ġesu’, fejn bħala bniedem, ġie f’mumenti fejn safa’ imsikket, minn dawk li ħakmithom sew l-għira fil-konfront tiegħu. Imma fil-verita’, min sikket lil min?
Id-dramm ser iwassal il-ġrajja li seħħet aktar minn elfejn sena ilu, grajja fejn dan ir-raġel mill-Galilija, beda jipriedika, jagħmel il-mirakli, u jħeġġeġ lil dawk kollha li qed jisimgħu biex iħallu kollox u jimxu warajh. Dan kollu ma’ niżilx tajjeb mal-qassisin u l-kbarat tal-poplu u minn hemm bdew jagħmlu minn kollox biex isiktuh. Id-djufija ta’ Ġuda kienet pedina importanti biex l-imgħallem inqabad biex jgħaddi l-ġuri tiegħu, Xmun dak li kellu jkun il-blata tradih u l-kumplament beżgħu u ħallewh waħdu. Pero’ kellu jkun Ponzju Pilatu li jagħtiħ s-sentenza tal-mewt. U minn hemm Ġesu’ beda l-mixja tiegħu lejn il-Golgota, bi tbatija liema bħala, taħt l-għajnejn imnikkta ta’ Ommu, Ġwanni u Marija ta’ Magdala.
Il-kast għal dan id-dramm huwa mżewwaq minn atturi stabiliti għal oħrajn ġodda, bosta żgħażagħ li maż-żmien dejjem qed juru aktar interess fil-kulutra tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Ħamrun. L-atturi prinċipali ta’ dan id-dramm huma Kurt Gatt, John Suda, Mark Tonna, Dorian Micallef, Redeemer Galea, Marie-Clare Sammut, Redeemer Muscat, Rita Camilleri, Kyle Sammut, Paul Saliba, Karl Micallef, Clayton Ċomba Zammit, Clayton Abela, Jason Cristina, Chris Camilleri u Tanya Agius Borg. Apparti dawn il-karattri prinċipali hemm ammont sabiħ ta’ nies li ser jkunu qed iwasslu din il-ġrajja tal-ikbar imħabba, minn żgħażagħ, għal irġiel, nisa u kif ukoll tfal. Il-Propera Avgesco Drama Group Ħamrun jixtiequ jirringrazzjaw lil dawk kollha li qed jkunu ta’ għajnuna fosthom diversi ħajjata u voluntiera oħra u kif ukoll, grazzi speċjali lill-Kappillan tal-Parroċċa San Gejtanu Dun Walter Cauchi.
Kull min jixtieq aktar informazzjoni fuq dan id-dramm jista jċempel lil Kunsill Lokali Ħamrun fuq 21222020 jew fuq il-paġna ta’ facebook tal-grupp.