Id-dramm, ‘Suldat ta’ Kristu’ għandu kitba u direzzjoni ta’ Shaun Formosa u se jlaqqana iktar mill-qrib tal-qaddis San Sebastjan Martri, filwaqt li l-awtur nisseġ il-ġrajja fittizja tal-familja ta’ Nenu, furnar Qormi, mal-istorja tal-qaddis. Flimkien se nassistu għal rakkonti minn fomm il-furnar u martu, lit-tifla tagħhom Marija dwar it-tfulija, iż-żgħożija ta’ Sebastjan bħala kap tal-gwardja pretorjana, iżda iktar minn kollox, ix-xogħol li wettaq qrib l-insara u l-pagani ta’ żmienu. Se nassistu wkoll għaż-żewġ martirji u għall-glorja tal-istess qaddis.
X’sinifikat jista’ jkollu għalina fil-ħajja tal-lum San Sebastjan? X’messaġġ irid iwasslilna? Il-pressjoni tas-soċjetà moderna, id-distrazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum u x-xettiċiżmu mifrux lejn il-fidi, huma kollha elementi fid-dinja tal-lum li joffrulek sfida biex verament tkun Suldat ta’ Kristu. Il-ħajja ta’ San Sebastjan Martri għandha tispirana għall-kuraġġ, il-konvinzjoni, id-dedikazzjoni, ir-reżiljenza u s-sagriffiċju ta’ dan il-qaddis.
Wieħed irid japprezza li din il-ħidma kollha titwettaq b’mod volontarju u l-membri joffru l-ħin, il-kapaċitajiet u l-enerġija tagħhom mingħajr ma jistennew xejn lura. Wara produzzjoni bħal din, ikun hemm ħafna xogħol volontarju li jieħu x-xhur sabiex l-udjenza tkun tista’ tgawdi din il-prestazzjoni.
Dan id-dramm se jittella’ nhar it-Tnejn 8 u t-Tlieta 9 ta’ Lulju fit-8:30 ta’ filgħaxija, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Sebastjan Ħal Qormi. Sabiex tinkiseb iktar informazzjoni u jinxtraw biljetti, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mad-Drama Group San Sebastjan permezz tal-paġna tal-grupp fuq Facebook jew billi jċempel fuq 79092963.