Tul dawn l-aħħar snin l-Għaqda Talent Dingli tellgħet drammi bħal Christus Vincit, Fejn Sejjer ja Midneb?, Għaliex Jien?, U li kieku Ġuda kienet mara? Kollha kemm huma b’kitba oriġinali għall-Għaqda Talent Dingli stess u kollha kemm huma jieħdu l-ħajja ġewwa Xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija li jinsab propju taħt l-iskola Primarja tal-Lokal.
Dan l-istil li addattat l-Għaqda Talent Dingli intgħoġob ħafna u huwa wieħed imfittex sew. L-udjenza tkun sa massimu ta’ għoxrin persuna kull rappreżentazzjoni u kull rappreżentazzjoni ddum madwar siegħa. Ħaġa oħra li jagħmel dawn id-drammi uniċi huwa l-fatt li l-udjenza tkun parteċipi fir-rappreżentazzjoni fejn l-udjenza u l-atturi jitħalltu flimkien.
Din is-sena xejn anqas! Id-dramm li l-Għaqda Talent Dingli għażlet iġib l-isem ta’ ‘Int… x’ser tagħmel?’ F’dan id-dramm li fih jieħdu sehem madwar 35 ruħ, ser niltaqgħu mal-atturi prinċipali Dimitri u Dominic jew aħjar id-Di u d-Do. Id-Di u d-Do ser ilaqqgħuna ma’ episodji mill-ħajja ta’ Kristru u ser jgħinuna nirriflettu u nxebħuhom ma’ partijiet mill-ħajja tagħna.
Dawn iż-żewġ karattri flimkien ser jgħinuna nagħżlu. Ser jgħinuna nagħmlu għażla bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, bejn is-sabiħ u l-ikrah tal-ħajja, bejn id-dlam u d-dawl u fl-aħħar bejn Alla u x-Xitan. Dramm li ser iqanqal fl-udjenza ħafna mistoqsijiet iżda ċerti illi kulħadd ser joħroġ mix-xelter aktar kunxjenzjuż milli daħal sittin minuta qabel.
Dan id-dramm għandu l-kitba ta’ Janine Caruana, waħda mill-membri tal-Għaqda Talent Dingli stess u għandu d-direzzjoni ta’ Adam Zahra bil-għajnuna ta’ Audrey Galea u Janine Caruana stess. Kull rappreżentazzjoni ddum madwar siegħa u b’kollox hemm 33 rappreżentazzjoni.
Booking huwa rikommandat. Biex jibbukja jew għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel 79251195 jew 99821133 jew jibgħat email fuq ghaqdatalentdingli@gmail.com