Waħda tgħid li ġennata u ma tagħmel l-ebda sens u l-ieħor jgħid li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn drama.
L-eks President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech, ħarġet għonqha għal Simon Busuttil u ħaditha qatta’ bla ħabel kontra Adrian Delia u d-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv li jitlob biex Simon Busuttil jirriżenja mill-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Sostniet li dak li għamel Adrian Delia u l-Kunsill Amministrattiv, li talab lil Simon Busutti biex iwarrab bħala ġennata.
Hija ddeskriviet lil Simon Busuttil, il-persuna li għamel tiegħu l-istorja giddieba dwar il-Prim Ministru u familtu, bħala persuna onesta u intelliġenti.
Min-naħa tiegħu, Richard Muscat, figura li jgawdi stima u rispett fi ħdan il-veterani Nazzjonalisti u li ħadem magħhom sa minn żgħożitu, ġibed il-ħabel ta’ Adrian Delia.
Bħala membru fil-Kunsill Amministrattiv, Richard Muscat bħal donnu ta x’jifhem li kien inċert u saħaq li d-deċiżjoni tiegħu biex flimkien mal-kamp ta’ Delia jappella lil Busuttil biex idoqq l-irtirata, għamilha b’dieqa kbira.
Minkejja dan, Muscat ma qagħadx jogħmodha u saħaq li l-istorja ta’ Egrant, li mexxa b’tant qilla Simon Busuttil ma kienet xejn għajr gidba, invenzjoni u storja falza.
Richard Muscat saħaq li jinsab deluż u imbellaħ, iktar u iktar meta f’din l-akbar gidba ċċertifikata fl-istorja politika ta’ pajjiżna kien hemm involuti firem foloz.
Dan b’referenza għaż-żewġ decleration of trust iffalsifikati li suppost kellhom juru li l-kumpanija Egrant hija ta’ mart il-Prim Ministru ġew ippreżentati lil Maġistrat Aaron Bugeja minn Pierre Portelli, l-id il-leminija ta’ Adrian Delia.
Richard Muscat kiteb ukoll li l-Partit Nazzjonalista, dak il-partit li tant iħobb jinsab f’taqlib kbir.