Illum għall-ħabta tad-08:45 seħħ argument fi Triq il-Kandlora, Ħaż-Żebbuġ.
Żewġt irġiel, li huma ġirien, ġew fl-idejn wara li qam argument bejniethom. Jidher li wieħed mill-irġiel li għandu 65 sena sofra xi ġrieħi u kif ra hekk ibnu ta’ 31 sena li kien ġewwa ħareġ barra b’ħadida f’idu.
Sussegwentement ir-raġel l-ieħor li għandu 51 sena u li kien involut fl-argument daħal fir-residenza tiegħu u allegatament reġa’ ħareġ barra b’arma tan-nar ippuntatha lejhom.
Permezz tal-intervent f’waqtu ta’ Surġent tal-Pulizija stazzjonat ir-Rapid Intervention Unit li f’dak il-ħin ma kienx xogħol, is-sitwazzjoni kkalmat ruħha.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 65 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt. Filwaqt li l-persuni l-oħra ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Kemm ir-raġel ta’ 65 sena u l-ieħor ta’ 51 ġew arrestati mill-Pulizija u qed jinżammu għall-iktar stħarriġ.