Dan l-aħħar irrapportajna numru ta’ każijiet fejn Pulizija sfaw aggrediti waqt il-qadi ta’ dimirijiethom.
L-Ispettur Sandro Camilleri, li huwa wkoll kap tal-union tal-Pulizija POU-GWU, qalilna li l-PC821 Matthew J. Galea ġie attakkat waqt ix-xogħol nhar il-Ħadd filgħaxija u sofra ġrieħi primarjament f’saqajh minħabba d-daqqiet ta’ sieq li qala’.
Nhar il-Ħadd għall-ħabta ta’ 20.20hrs il-Pulizija giet imsejha f’Dar San Frangisk fi Fleur-de-lys minħabba ġlieda bejn żewġ Eġizzjani. Jidher li Eġizzjani minnhom millewwel kien agressiv fil-konfront tal-Pulizija mal-wasla tagħhom. Dan kellu riha qawwija ta’ xorb u ntalab imur magħhom l-għassa filwaqt li baqa’ agressiv.
Minn hawn u minn hemm ittiehed l-għassa. Kif waslu l-għassa, beda jitlob biex jieħduh Mount Carmel għax huwa jingħata xi kura hemm. Huwa stqarr li kien ilu jixrob minn filgħodu flimkien mal-Eġizzjan l-ieħor li kien iġġieled miegħu. Dan baqa jkun agressiv anki sakemm ħaduh Mount Carmel kif kien talab u beda jagħti lil Pulizija fil-vettura. Beda jigi mwissi sabiex jieqaf b’dan l-atteġġjament iżda ma riedx jisma.
Il-Pulizija ħaduh Mount Carmel iżda kif rawh agressiv u xurban, dawk responsabbli mill-isptar ma riedux jaċċettawh u qalulom biex jieħduh iċ-ċentru tas-saħħa. Dan ittieħed iċ-ċentru tal-Mosta u kif ġie biex jinżel mill-vettura beda jagħti kemm jiflaħ liż-żewġ Pulizija. Lil wieħed minnhom, PC821, tah diversi daqqiet b’saħħithom ħafna go saqajh. Dan kollu fost dagħha u offiżi lil Pulizija anke dwar il-familji tagħhom. Huwa ried jattakka u kien agressiv anki mal-infermiera taċ-ċentru tas-saħħa u dawn irrifjutaw li jarawh u rreferewh għall-isptar bl-iskop li jingħata xi mediċina li tikkalmah u ma jibqax ikun agressiv.
Minn hemm ittieħed minn membri tal-RIU li gew mgħajta fil-post. L-Ispettur Sandro Camilleri qal li PC821 huwa membru fil-POU-GWU u ġie ċċertifikat li qed isofri minn grieħi fl-għaksa u fil-qasba ta’ siequ u li bid-daqqiet infajammawlu n-nervituri. L-Egizzjan l-ieħor se jitressaq il-Qorti wkoll iżda dak ma kienx agressiv. Se jitressaq bis-rigward il-ġlied u fuq ksur tal-paci u l-kwiet pubbliku.
Appella biex ikun hemm deterrent qawwi biex il-Pulizija ma jibqgħux ikunu attakati qisu xejn mhu xejn. ‘Kuljum qed jidħol xi ħad l-isptar’ sostna l-Ispettur Camilleri. Filwaqt li qal li huwa issa li qed tingħata l-opporunità lill-Pulizija jsemmgħu leħinhom permezz ta’ union, jeħtieġ li l-istat jgħin biex Pulizija jkunu aktar protetti.