Is-sena 2018 fix-xena mużikali bla dubju ta’ xejn kienet is-sena tal-kantant Kanadiż Drake. Dan hekk kif huwa kien l-iżjed artist popolari tul din is-sena b’iżjed min tmien biljun stream ta’ diski tiegħu, bid-diska tiegħu God’s Plan kienet l-iżjed diska popolari matul l-elfejn u tmintax. Iżda mhux biss.
F’informazzjoni ppublikata minn Spotify, l-ikbar pjattaforma mużikali fuq l-internet, joħroġ li diska oħra ta’ Drake, In My Feelings li ddominat l-istaġun tas-sajf, kienet il-ħames l-iżjed diska popolari tul is-sena. L-album tiegħu Scorpion kien l-iżjed album popolari tul l-elfejn u tmintax.
Artisti oħrajn li kienu popolari ferm matul din is-sena jinkludu Post Malone, Ed Sheeran u XXXTENTACION, li ħafna saru jafu bih wara li nqatel fi sparatura f’Ġunju li għadda.
L-iżjed artista feminili popolari matul l-aħħar sena kienet Ariana Grande li matul din is-sena smajniha b’diski bħal No Tears Left to Cry u thank u, next. Id-diski tagħha instemgħu iżjed minn tliet miljun darba. Din is-sena kienet sena tajba wkoll għal Cardi B, Taylor Swift u Dua Lipa.
L-ewwel album ta’ din il-kantanta mir-Renju Unit niżel tajjeb sew, tant li kklassifika mal-iżjed ħames albums popolari fuq Spotify. L-iżjed album popolari matul l-elfejn u sbatax, Divide ta’ Ed Sheeran, baqa’ popolari wkoll tant li għadu mal-ewwel ħamsa.
Matul din is-sena baqgħu popolari diski minn diċenji passati. Skont Spotify, id-diski Africa ta’ Toto, Take on Me tal-grupp a-ha kif ukoll Billie Jean ta’ Michael Jackson kienu l-iżjed tliet diski retro popolari matul l-elfejn u tmintax.