Li ssib ruħek taffaċċja t-tmiem ta’ relazzjoni mhu faċli għal ħadd. Eluf kbar ta’ kanzunetti jiffukaw fuq din it-tema, partikularment meta l-imħabba tkun bejn l-adoloxxenti.
Frisk mis-suċċess tiegħu fit-tieni staġun ta’ X Factor Malta, il-kantawtur Drakard jittratta proprju dan is-suġġett sensittiv fl-ewwel rilaxx tiegħu bl-isem ‘Over’. Għal din il-kanzunetta, sab l-għajnuna artistika tal-produttur Cyprian Cassar u tal-kantawtur Kevin Paul biex inħoloq l-aħjar ħoss possibbli.
Dwar din il-kollaborazzjoni Drakard jikkummenta: “Jien u Kevin iltqajna waqt X Factor Malta u mill-ewwel sirna ħbieb. L-ideat tiegħu jogħġbuni, u jifhem eżatt id-direzzjoni li għandi f’moħħi fejn jidħlu l-mużika u l-lirika. Lil Cyprian ili nafu daqxejn aktar. Kien għenni nifhem aħjar l-elementi bażiċi tal-produzzjoni kif ukoll jara li jimbuttani kemm jiflaħ biex noħroġ mill-ġagga ġenerika li artist kapaċi jispiċċa fiha. Kelli kunċett f’moħħi, u huma għenuni niżviluppah f’din il-kanzunetta tassew għal qalbi, li jiena kuntent naqsam magħkom.”
B’ritornell li jiġbidlek l-attenzjoni mill-ewwel u b’versi b’ħoss modern, id-debutt ta’ Drakard huwa akkumpanjat minn vidjo ta’ lirika li nħadem barra minn Malta. Bl-iskema ta’ kuluri skuri li jintużaw, wieħed faċli jifhem is-suġġett ta’ qsim il-qalb, speċjalment meta jidħlu mistoqsijiet bħal, “Is it really over?”
‘Over’ hija disponibbli fuq kull pjattaforma diġitali.