Viktor Dragomanski ta’ sitta u tletin sena mill-Maċedonja ta’ Fuq residenti tas-Sliema nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema.
Dragomanski huwa t-tieni suspettat b’rabta mal-qtil ta’ Dr. Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.
Fl-awla Dragomanski deher liebes flokk u qalziet ta’ tracksuit u qal li ma jaħdimx. Huwa wieġeb mhux ħati.
L-Ispettur James Grech qal li Dragomanski ġie arrestat l-Erbgħa filgħaxija. Qal li l-ewwel ġie arrestat Daniel Muka, u wara l-Pulizija ngħatat informazzjoni li wieħed mit-tliet persuni li dehru fil-filmati elevati mill-kameras tas-sigurtà kien Viktor Dragomanski. Il-Pulizija marru biex jarrestaw lil Dragomanski fir-residenza tiegħu iżda sabu raġel ieħor li qalilhom li jinsab f’lukanda bl-isem ta’ Blue Bay fil-Gżira.
L-Ispettur Grech qal li meta nduna bil-preżenza tal-pulizija fil-lukanda prova jaħrab mit-tieqa tal-kamra iżda ġie arrestat ftit wara mill-pulizija.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, l-Ispetturi James Grech u Colin Sheldon akkużawh bl-istess akkużi li ġie mixli bihom jum qabel, l-Albaniż, Daniel Muka. Akkużawh ukoll b’serq ta’ ġojjellerija mingħand il-vittmi, għamel użu minn karozza misruqa, ikkommetta serq ta’ pjanċi u li kellu fil-pussess tiegħu arma mingħajr il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Dragomanski ġie eskortat mill-pulizija lejn il-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/08/28/bil-filmat-il-wasla-ta-viktor-dragomanski-fil-qorti-biex-jaffaccja-akkuzi-brabta-mal-qtil-doppju/