Dr Victoria Buttigieg ġiet maħtura bħala l-ewwel Avukat tal-Istat b’mod uffiċjali.
Dan wara sejħa pubblika u rakkomandazzjoni unanima minn Kummissjoni ta’ Ħatra.
Ir-riforma ssegwi parir li kien intalab mill-Gvern Malti mill-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.
Waqt iċ-ċerimonja l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici feraħ lil Dr Buttigieg tal-ħatra tagħha f’din il-pożizzjoni, li hu pass ieħor importanti fl-istorja legali u li hu l-ewwel tax-xorta tiegħu u saħaq fuq l-impenn tal-Gvern fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ riformi dwar it-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt.
Dan l-irwol Kostituzzjonali ġdid ġie maħluq bis-saħħa ta’ liġi approvata f’Lulju li għadda, li fatmet il-funzjonijiet duppliċi li kellu sal-lum l-Avukat Ġenerali.
Is-separazzjoni se tidħol b’effett minn għada l-Erbgħa.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna: “Id-differenza qed tiġri. Ingħatat il-ħatra Dr Victoria Buttigieg, minn għada se tkun l-ewwel Avukat tal-Istat u allura l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali se jinqasam fi tnejn.”
L-Avukat Ġenerali bis-saħħa ta’ din ir-riforma se jibqa’ jżomm ir-responsabbilitajiet ta’ prosekuzzjoni u materji kriminali li tipprovdi għalihom il-Kostituzzjoni u liġijiet oħra fil-kamp kriminali.
Bl-Avukat tal-Istat se tibda tkun responsabbli għall-funzjonijiet kollha ta’ pariri lill-Gvern u rappreżentanza legali fl-oqsma tal-liġi kostituzzjonali, ċivili u amministrattiva li sal-lum huma eżerċitati mill-Avukat Ġenerali.
Dr Bonnici saħaq ukoll li r-riforma qed issir wara snin twal u indika l-ipokresija tal-Oppożizzjoni meta din il-liġi kienet qiegħda quddiem il-Parlament. Huwa tenna: “Aħna ilna nisimgħu li se jinqasam l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fi tnejn snin kbar, ġenerazzjonijiet kbar. Il-Partit Nazzjonalista għamel 25 sena fil-Gvern u ma sabx il-ħin li jagħmilha din. Meta ġejna biex nagħmluha aħna vvota kontra. Din hija d-differenza bejn iż-żewġ partiti.”
L-Avukat tal-Istat se tgawdi l-istess livell ta’ protezzjoni u sigurtà fil-kariga li jgawdu l-Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali u se taqdi l-funzjonijiet tagħha permezz ta’ aġenzija indipendenti mwaqqfa bl-Att dwar l-Avukat tal-Istat.