Dr Victoria Buttigieg intgħażlet bħala l-Avukat Ġenerali ġdid ta’ Malta, wara li Dr Peter Grech irriżenja mill-kariga li okkupa għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Din hija l-ewwel darba li nħatar Avukat Ġenerali ġdid wara s-separazzjoni tal-istess uffiċċju f’Diċembru li għadda, meta l-istess Dr Buttigieg kienet intgħażlet bħala l-ewwel Avukat tal-Istat ta’ pajjiżna.
L-Avukat Ġenerali l-ġdid inħatar wara sejħa pubblika u ntagħżel minn Kummissjoni ta’ Ħatra indipendenti minn tliet imħallfin irtirati.
Fi stqarrija mill-Gvern ta’ Malta ingħad li l-Prim Ministru Robert Abela rċieva r-rakkomandazzjoni mill-istess Kummissjoni u filwaqt li ġiet aċċettata, informa lill-President ta’ Malta biex issir il-ħatra.
Dr Buttigieg se tħalli l-kariga tagħha bħala Avukat tal-Istat biex issir l-ewwel Avukat Ġenerali mara ta’ pajjiżna.
Dr Victoria Buttigieg għandha tlieta u erbgħin sena, u gradwat fil-Liġi mill-Università ta’ Malta fis-sena elfejn u waħda. Hija kompliet l-istudji tagħha u gradwat b’Masters fis-Servizzi Finanzjarji.
Fl-elfejn u sebgħa bdiet taħdem mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fejn wara li kisbet l-esperjenza neċessrja, inħatret bħala Assistent Avukat Ġenerali. Hawnhekk ħadmet f’għadd ta’ oqsma fil-litigazzjoni, fosthom fiċ-ċivil, l-amministrattiv u l-liġi kostituzzjonali.
Hija rrappreżentat lill-Gvern f’bosta laqgħat u kumitati internazzjonali, filwaqt li tat il-kontribut tagħha f’diversi proġetti ta’ riformi fil-liġi.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-mod ġdid ta’ ħatra wassal biex pajjiżna se jkollu l-ewwel Avukat Ġenerali mara li fi kliemu għandha l-integrità u l-kompetenza meħtieġa għal din il-kariga ewlenija.