Il-Prim Ministru approva l-ħatra ta’ l-Avukat Philip Galea Farrugia bħala Deputat Avukat Ġenerali. L-Avukat Galea Farrugia, li għandu 42 sena, iggradwa b’Dottorat fil-liġi fis-sena 2001 fejn wara perjodu jaħdem ma’ ditta legali fetaħ il-prattika legali privata tiegħu.
Huwa ħadem f’diversi oqsma tal-liġi u deher u rrapreżenta klijenti tista’ tgħid quddiem il-qrati u tribunali kollha f’Malta u Għawdex. 2010 huwa beda jaħdem fl-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali fejn issokta bi speċjalizzazzjoni fil-liġi kriminali u prosekuzzjoni. Huwa mexxa l-prosekuzzjoni f’diversi każijiet u ġurijiet ewlenin f’dawn l-aħħar snin u rrapreżenta lill-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali u lill-Gvern ta’ Malta f’diversi fora u konferenzi nternazzjonali.
F’Ottubru tas-sena 2013 huwa ġie maħtur Assistent Avukat Ġenerali u Kap tat-Taqsima tal-Liġi Kriminali u Prosekuzzjoni. Sa minn Lulju ta’ 2017 huwa jokkupa l-kariga ta’ Membru Nazzjonali għal Malta fi ħdan l-aġenzija ġudizzjarja Eurojust. L-Avukat Galea Farrugia huwa miżżewweġ u għandu tifel.