It-tabiba Mary Vella nħatret bħala l-Kummissarju għall-anzjani l-ġdid.
Kull kummissarju huwa maħtur skont att legali wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għall-Anzjanità Attiva fl-2013. Hija ser tkun qed tieħu post Helen Mallia.
Dr Vella għal 40 sena serviet fil-qasam soċjali bħala tabiba tal-familja fejn f’din il-karriera hija qalet li rat mill-qrib l-isfidi tal-anzjani.
F’dan l-irwol hi se tkun qed twieġeb lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament.
L-irwol tal-Kummisarju huwa li jaħdem qatiegħ sabiex dawk vulnerabbli jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
It-tabiba Vella spjegat kif din il-kariga hija wkoll prijorità għaliex f’pajjiżna 1 minn kull 4 persuni huma anzjani fuq is-sittin sena.
Fi żmien fejn f’pajjiżna qed jiżdied in-numru ta’ anzjani grazzi għall-kwalità ta’ ħajja tajba, Dr Vella elenkat il-prijoritajiet tagħha għat-3 snin li ġejjin.
• Li jinħoloq iżjed għarfien fuq id-drittijiet tal-anzjani;
• Li jiżdied l-għarfien fuq is-solitudni u kif din tista’ tingħeleb;
• Li tonqos d-diskrimazzjoni fuq l-età, u ssir ħidma biex ikun hemm introjtu sigur għal nies akbar fl-età biex iħossuhom siguri finanzjarjament; u
• Li jiżdied ir-rispett mill-membri kollha tas-soċjetà lejn nies akbar fl-età.
Preżenti għal din il-konferenza s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, spjega li n-nomina ta’ Dr Vella intlaqgħet unanimament miż-żewg naħat tal-kamra fil-Parlament. Huwa rringrazzja wkoll lil Helen Mallia għax-xogħol siewi tagħha f’din il-kariga.