Il-President ta’ Malta George Vella ħatar lil Dr. Mark Chetcuti bħala l-Prim Imħallef tal-Qrati tal-Ġustizzja.
“Bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lili u skont il-Kostituzzjoni qed naħtar lil Dr. Mark Chetcuti bħala Prim Imħallef.” Qal il-President Malti George Vella.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra fil-Palazz ta’ Sant’Anton, kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, l-Ministru għall-ġustizzja, l-Avukat tal-istat u l-qraba tal-Prim Imħallef il-ġdid. F’ċerimonja mhux tas-soltu minħabba l-pandemija tal-coronavirus il-persuni preżenti żammew id-distanza bejniethom.
Il-Prim Imħallef Chetcuti se jkun qed jieħu post l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi wara li rtira bl-età.
Il-President ta’ Malta awgura li taħt it-tmexxija tal-Prim Imħallef Chetcuti l-Qrati jsiru iktar effiċjenti fit-twettiq tal-ġustizzja, biex b’hekk il-poplu jkompli jsaħħaħ il-fiduċja fil-Qrati. Qal li huwa m’għandux dubji dwar l-integrità u l-kapaċitajiet tiegħu.
Il-President ta’ Malta wera s-sodisfazzjon tiegħu li kien hemm qbil unanimu fil-Parlament għall-ħatra tal-Prim Imħallef Chetcuti.
Il-President Vella saħaq,”Jien nawguralek li l-qrati superjuri ikunu aktar spettivi u tkompli tissaħħaħ l-fiduċja. Ma nisax ma nirrimarkax li l-ħatra saret b’maturità politika anki skond ir-rakomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.”
Dr. Mark Chetcuti għandu tnejn u sittin sena. Huwa laħaq avukat fl-elf disa’ mija tnejn u tmenin u dam jipprattika l-liġi għal aktar minn tletin sena. Huwa speċjalizza fil-liġi għall-familja u dik ċivili.
Il-Prim Imħallef il-ġdid kien membru fuq il-bord tal-appelli tar-refuġjati u anki chairman tal-bord tal-appelli għall-kumpaniji.
Dr. Chetcuti laħaq Imħallef f’Lulju tal-2010 mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi.