Dr Maria Azzopardi hija s-Segretarju l-Ġdid tal-MFA. Ħabbret dan l-MFA permezz ta’ stqarrija għal-midja matul il-ġurnata tat-Tlieta fejn fiha sostniet li din id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa tal-bord eżekuttiv li saret matul il-ġurnata tal-lum.
Azzopardi ser tkun qed timla l-post vakanti li ser ikun qed jħalli Dr Angelo Chetcuti fit-tmiem dan ix-xahar. Chetcuti kien ħabbar li mhux se jibqa Segretarju tal-assoċjazzjoni wara tmien snin fl-rwol, waqt l-Assemblea Ġenerali ta’ Ottubru li għadda.
Dr Maria Azzopardi hija wiċċ sinonimu fil-futbol femminili fejn matul l-karriera tagħha lagħbet ma’ Rabat Ajax FC, Melita FC u Hibernians FC. Hija wkoll kienet rebħet l-unur ta’ l-aqwa plejer tas-sena fl-istaġun 2003/2004. Dr. Azzopardi lagħbet wkoll 33 partita bil-flok tat-tim nazzjonali Malti. Hija kienet eletta bħala l-ewwel Vici President mara fi ħdan il-Malta Football Association f’Marzu li għadda; pużizzjoni li ser tkun qed iżomm b’mod temporanju fix-xhur li ġejjin.
L-MFA ħabbret wkoll li Dr Maria Azzopardi ser tkun assistita minn Rodney Pisani li kien appuntat fl-rwol ta’ Deputat Segretarju Ġenerali.
Rodney Pisani ilu sa mill-2006 jaħdem fl-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol fejn l-ewwel li beda kien fid-dipartiment tar-reġistrazzjonijiet. Għal xi żmien kien ukoll serva fl-istess rwol ta’ deputat Segretarju Ġenerali.
Fl-2010 huwa kien ħa l-inkarigu li jorganizza l-kompetizzjonijiet kollha tal-MFA liema rwol żamm sa l-2020. Fl-aħħar tliet snin huwa kien ġie maħtur bħala direttur fis-servizzi tal-futbol.